“It-Taħbita Mal-Bieb” X’ Tista’ Tfisser Mil-lenti Tal-Istudent? – Luke Fenech

Kull min hu edukatur żgur li xi drabi sema’ dik ir-taħbita mal-bieb: “Orrajt sir?/orrajt miss? Kollox sew?” Forsi għal ċertu għalliema dan l-atteġġjament jista’ jiġi referut bħala sinjal ta’ imqarbezza jew mod kif l-istudent jipprova jaħli l-ħin. Madankollu dan jista’ jiġi mħares minn lenti differenti.

Edukatur tal-Etika u lettur Universitarju Luke Fenech, qasam messaġġ mas-segwaċi tiegħu fejn spjega kif maż-żmien fehem li dik it-taħbita tista’ ma tkun xejn ħlief talba ċkejkna għall-imħabba. Sfortunatament għandek ħafna realtajiet fejn l-istudent qed jibqa’ jħabbat jew jipprova jara lil min se jħabbar iżda mhu jirċievi l-ebda risposta.

Huwa żied li qabel ma nitkellmu dwar dixxiplina jew nagħmluha fatta li “it-tfal tal-lum m’għandhomx rispett” irridu nifhmu r-realtà li ħafna tfal qed jikbru b’vojt emozzjonali u li dik hija l-problema inizjali. B’hekk meta ma jkunx hemm biżżejjed imħabba hemm ċans ikbar li titfaċċa dik l-imġiba li fil-każ tal-istudent tista’ tidher bħala attenzjoni mentri fil-verità tkun għajta biex xi ħadd jindirizzah u jisimgħu. 



L-edukatur kompla jispjega kif għandna tfal li huma prodotti ta’ realtajiet iesba: familji mkissra, nuqqas ta’ stabbiltà u atmosfera ta’ apatija madwarhom. B’ton ta’ riflessjoni sostna li “jekk nibqa’ nħares lejh b’lenti ħażina, qatt ma nirbħu l-istudent.” Irridu nżommu f’moħħna li kulħadd uman u kulħadd iħoss. Jekk l-għalliem jagħzel li jara l-istudenti bħala piż, qatt ma jista’ jilħaq l-għajnuna wara dik it-taħbita u jagħmel differenza reali  fil-perkors tagħhom. Min-naħa l-oħra jekk jara li għandhom bżonn sempliċiment persuna li temmen fihom, kollox jista’ jinbidel.



Fenech enfasizza kif il-mod kif student jirċievi l-imħabba jiddetermina kif se jġib ruħu fis-soċjetà meta jikber. Ma nistgħux nistennew li student “diffiċli” se jsolvi l-problema tiegħu waħdu jekk ikun ġej minn ambjent  fejn forsi l-imħabba hija kważi assenti jew eskluża b’mod definit. Illum qed naraw  soċjetà fejn hawn aktar mibegħda u  egoiżmu u  f’nofs dan kollu, qed nitilfu aktar nies. Huwa hawn li l-edukatur isejjaħ għal mentalità ġdida: “għall-ewwel darba, ejjew nifhmu l-imġiba, mhux niġġudikawha. Ilkoll irridu niġbdu ħabel wieħed u ngħinu aktar nies.”

Fl-aħħar nett, huwa fakkar li xogħol l-għalliem imur ferm lil hinn mis-suġġett. “Jekk kont nista’ nkun daqsxejn ta’ tama għal xi ħadd, dik hija r-rebħa tiegħi bħala għalliem” qal l-edukatur.  Il-messaġġ tiegħu jibqa’ wieħed ċar: wara kull imġiba hemm storja u wara kull student hemm qalb tħabbat li trid tinstema’. 



Ritratti:

Facebook/ Luke Fenech

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI