Aħna ta’ Gwida.mt kellna ċ-ċans insegwu wirja tal-produzzjoni L-Aħħar 13. Hekk kif dħalna ġewwa t-teatru ta’ Spazju Kreattiv mill-ewwel dħalna fl-atmosfera u xena li toħloq kurżità immedjatament. Atmosfera li mill-bidu nett, saret iktar intensa.
L-emozzjonijiet u s-sentimenti li juri l-karattru ewlieni jidħlu dritt ġo qalbek minnufih, waqt li quddiemek tara persuna għaddejja minn waħda fost l-agħar tbatijiet – il-mard.

Jissemmew għadd kbir ta’ karattri li b’xi mod jew ieħor kienu parti minn dak li sofra l-protagonist.
Li impressjonana hu li dawn l-imsemmijin karattri mhux neċessarjament ikunu preżenti hemm fiżikament, iżda xorta waħda ħa tifhmu x’qed jiġri.

L-attur li jinterpreta l-irwol tal-protagonist jirnexxielu jinterpreta konverżazzjoni waħdu, u jitkellem f’isem karattri oħra. Konverżazzjonijiet li saru fil-passat bħal qisu jsiru ħaġa waħda ma’ dak li qed jirrakkonta fil-preżent. Dan kollu jgħin biex nisimgħu u nifhmu
Meta tosserva s-sett fuq il-palk tinduna li jinkludi simboli li jaqblu mat-titlu tal-produzzjoni. Għalkemm is-sett kien sempliċi, l-emozzjoni tal-protagonist, id-dwal u l-mużika fl-isfond kienu biżżejjed biex tidħol fl-istorja.
F’xi mumenti tispikka l-bidla fit-ton tal-vuċi u fir-reazzjonijiet, u kontinwament ħassejna l-weġgħa li qed iħoss il-protagonist. Għadda minn wisq episodji koroh, wieħed aktar xokkanti mill-ieħor, u bir-raġun ikun imweġġa’ – mewt, tradiment, trawmiet, tgħajjir, inġustizzja u aktar.

L-isbaħ u l-aqwa karatteristika f’dan ix-xogħol artistiku, hi li wisq reali. Anke s-sentimenti, dawk li se jattendu, kull min mess ma’ xi waħda mid-disfatti li għadda minnhom dan ir-raġel, jifhem perfettament għaliex qed iġib ruħu hekk.
Wara dawn l-emozzjonijiet kollha li jinħassu waqt din in-narrazzjoni, iċ-ċirasa fuq il-kejk tkun l-aħħar parti. L-udjenza ser joħorġu mit-teatru impressjonati immens bil-mod kif se jintemm dan il-vjaġġ emozzjonali li jkunu esperjenzaw.
Inħeġġuk tmur tara din il-produzzjoni – esperjenza unika li ser tibqa’ tiftakar!
Facebook/ Ryan Mark DeBattista