It-Three Palaces Festival, ispettaklu uniku li jinkorpora fih diversi artisti minn dixxiplini varji li jpaxxu s-sensi ta’ min ħa jkollu ċ-ċans jesperjenza dan il-festival inkredibbli. Festivals Malta din is-sena fetaħ sejħa pubblika għall-artisti lokali – opportunità mill-aqwa għal dawn l-artisti wara żmien twil ta’ inċertezza. Aqra aktar dwar it-tema tal-festival ta’ din is-sena, kif ukoll dwar ‘Inferno’, il-prestazzjoni mill-kumpanija internazzjonali No Gravity HAWN.
Il-programm tat-Three Palaces Festival jibda nhar it-Tnejn li ġej fit-8 ta’ Novembru u jispiċċa fit-12 ta’ Novembru u se jsir kompletament online.
Dan hu l-programm li wieħed jista’ jsegwi:
- Oskur – 8 ta’ Novembru fit-20:30
- The Kiss – 9 ta’ Novembru fit-20:30
- Portal Shades – 9 ta’ Novembru fid-21:00
- Nell Mezzo Del Cammin – 10 ta’ Novembru fit-20:30
- Of Hell & Exile – 11 ta’ Novembru fit-20:30
- Inferno – 12 ta’ Novembru fit-20:30
Oskur
Oskur huwa proġett li jinkorpora interpretazzjoni awdjoviżiva tal-kjaroskur u t-tenebriżmu ta’ Caravaggio fejn il-pjanista permezz ta’ improvizzazzjonijiet mill-aqwa fuq il-pjanu, ħa tkun qed tinteraġixxi mal-viżwal u aspetti oħra elettroniċi. Din ċertament ħa toħloq dinamika interessanti li ħa tgħin sabiex wieħed iħares lejn din l-arti minn lenti differenti. Fuq dan il-proġett insibu tliet artisti mill-aqwa; Gabi Sultana, Koen Tryssesoone flimkien ma’ Mark Dingli.

The Kiss
F’The Kiss, l-elementi mill-Canto V. ta’ Dante ħa jingħataw il-ħajja f’dan il-film fejn iż-żfin huwa l-qofol ta’ kollox. Barra minn dan, ix-xogħol ġie miġbud b’mod partikolari li ħa jagħti dimensjoni rikka ta’ dan ix-xogħol. L-istorja ta’ mħabba traġika ta’ Francesca u Paolo se jkollha interpretazzjoni kontemporanja għall-aħħar li żgur li wieħed jista’ jifimha u jirrelata magħha wkoll minn xi aspett jew ieħor.
Dan il-proġett jgħaqqad lil dawn l-artisti flimkien, Diane Portelli, Dorian Mallia, Albert Garzia, Kevin Kiomall u il-Moveo Dance Company.

Portal Shades
Portal Shades jieħu l-ispirazzjoni tiegħu mill-bibien u d-daħliet, marbuta flimkien mar-rakkont ta’ Dante From Hell To Paradise, li sawwar il-kunċett u kien l-ispirazzjoni wara l-koreografija ta’ dan il-proġett. Il-bibien tradizzjonali Maltin ukoll kienu parti integrali u kull min ħa jkollu ċ-ċans li jsegwi dan ix-xogħol żgur li ħa jibqa’ impressjonat.
Għal dan il-proġett ingħaqdu 4 artisti flimkien ma’ kumpanija taż-żfin, Contact Dance Company, Francesca Abela Tranter, Christopher Benstead (UK), Emma Megan Tranter u Jean Paul Caruana.

Nell Mezzo Del Cammin
Id-Divina Commedia ta’ Dante Alighieri ma għandha bżonn l-ebda introduzzjoni, il-vjaġġ ta’ dan l-ispettaklu jibda proprju bil-linji tal-ftuħ tal-istess kummiedja. F’dan l-ispettaklu naraw element multidixxiplinarju li jgħaqqad il-mużika, id-drama u ż-żfin flimkien.
F’Nell Mezzo Del Cammin ħa naraw numru sabiħ ta’ artisti jikkollaboraw flimkien, Daniela Said, Philip Leone-Ganado, Matthew Muscat Drago, Pamela Kerr, Tricia Dawn Williams, Fiorella Camilleri, Joseph Zammit, Charlotte Grech, Gianni Selvaggi, Michela Farrugia, Amy DeGaetano, Jade Farrugia, Chris Muscat, Ruben Zahra u Veronique Vella.

Of Hell & Exile
Of Hell And Exile huwa proġett b’ħafna aspetti marbuta ma’ xulxin b’mod immersiv, fejn l- artisti se jesploraw id-Divina Commedia ta’ Dante minn għajnejn Anna Akhmatova. Akhmatova hija waħda mill-ftit artisti li baqgħet ġewwa r-Russja waqt ir-renju ta’ Stalin u b’hekk tista’ toffri perspettiva tassew interessanti u unika.
F’dan il-proġett ħa naraw lil Gillian Zammit u Akos Kertesz, jinterpretaw il-kanzunetta ta’ Anna Akhmatova minn John Tavener u magħhom ħa jingħaqad l-istilista Luke Azzopardi b’xi xogħol minn tiegħu li żgur ħa jħallu impatt fuq il-preżentazzjoni ta’ dan il-proġett.

Għalkemm dan il-festival għandu n-niċċa tiegħu minħabba li jiffoka l-aktar fuq mużika klassika, b’xi mod dejjem għaqqad il-kultura u l-istorja Maltija, u ħareġ ir-rikkezza ta’ dak li jsawwar min aħna. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook tat-Three Palaces Festival billi jidħol HAWN jew inkella jżur is-sit ta’ Festivals Malta billi jidħol HAWN.