It-tabib Joseph Mizzi jaqsam dan il-ħsieb minn fuq il-pjattaforma soċjali tiegħu,
“Għeżież ġenituri, ejja ngħidu kelmtejn dwar it-tqasqis fost l-adoloxxenti. F’din l-età tant sensittiva, xniegħa falza jew kelma iebsa jistgħu jweġġgħu ħafna. Sikwit, il-vittma tal-malafama — kultant imxerrda minn sħabha stess — tbati fis-silenzju, waħidha. Ejja niddiskutu ma’ wliedna dwar it-tqasqis u l-ħsara li jagħmel. Ngħallmuhom ir-rispett ġenwin lejn sħabhom — kemm wiċċ imb wiċċ kif ukoll online. Inżommu komunikazzjoni miftuħa mat-tfal, biex iħossuhom komdi jiftħu qalbhom magħna fiż-żminijiet diffiċli.Ejja naħdmu flimkien biex nibnu kultura fejn il-kliem — minflok ifieri u jweġġa’ — ifejjaq u jferraħ.”
Dan il-messaġġ għandu jkun tfakkira ġentili li anke kelma żgħira tista’ tħalli marka kbira fuq adoloxxenti. Bħala adulti, għandna nkunu l-eżempju billi nitkellmu b’empatija u nagħżlu kliemna b’għaqal – kemm fid-dar kif ukoll fil-komunità.