Il-motorsport tista’ tgħid li hu għal qalb diversi Maltin u hemm ħafna li lesti li jagħtu s-sehem tagħhom sabiex jaraw il-motorsport jiżviluppa f’Malta.
Illum, il-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport hija Federazzjoni mimlija entużjażmu u enerġija; u issa ċ-ċans li wieħed jingħaqad ma’ din il-familja li aktar ma jmur qiegħda tikber. Il-Motorsport mhux biss dwar is-sewwieqa u t-timijiet tagħhom, iżda hemm diversi aspetti li jidħlu.

Kull professjoni u kapaċità hija meħtieġa biex tmexxi Federazzjoni, Uffiċjali tal-Motorsport, bħal Timekeepers, Marixxalli, Clerk of the Course, Stewards, Secretary of the meetings, Organizzaturi ta’ Avvenimenti, Fotografi, Persuni tal-Midja, tal-Marketing, u ħafna oħrajn.
Dawk li għad m’għandhomx esperjenza f’karigi bħal dawn u jinsabu interessati m’għandhomx għalfejn jinkwietaw għax se tiġi provduta għajnuna u taħriġ, kemm f’Malta u possibilment anke barra. Din tista’ tkun opportunità biex wieħed jitħarreġ ukoll f’xi qasam minn dawn.

Il-proġetti attwali tal-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport jinkludu t-tmexxija tal-Kampjonati Nazzjonali u diversi avvenimenti oħra, inklużi avvenimenti mhux sportivi, mhux kompetittivi kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
Hemm ukoll il-bini ta’ faċilitajiet ġodda u l-aġġornament tal-faċilitajiet tal-motorsport eżistenti, inkluż iċ-Ċirkwit il-ġdid ta’ Ħal Far u l-barriera għal-off-road fl-Aħrax tal-Mellieħa.

Dawk li jridu jkunu parti minn din l-istorja ta’ suċċess jistgħu jsegwu l-link u jimlew il-formola billi jidħlu HAWN. Il-Federazzjoni ħa tkun qed torganizza xi laqgħat ġenerali ta’ induzzjoni li jwasslu għal taħditiet u taħriġ fi rwoli speċifiċi fil-ġimgħat li ġejjin.