Dan l-aħħar qed titqajjem aktar kuxjenza dwar il-moħqrija tal-annimali li ilha sseħħ fil-ġnien ta’ San Anton għal dawn l-aħħar 40 sena. Ftit ġimgħat ilu, meta għalaq San Anton minħabba l-pandemija, xi ċinji tħallew imutu bil-ġuħ. Milli jidher, issa hemm kwistjoni ta’ moħqrija oħra.
Fuq il-medja soċjali, raġel kiteb: “Lil dawk li jieħdu ħsieb il-Ġonna ta’ San Anton: Għalfejn dan iċ-ċinju jinżamm maqful 24/7 f’pinna żgħira, bilqiegħda fil-ħmieġ tiegħu stess, miksi bid-dubbien, fis-sħana? Ma rajt l-ebda ilma mkien għalih biex inaddaf lilu nnifsu jew jixrob. Din il-kreatura tbati l-ġurnata kollha, kuljum. Dan huwa dak li jissejjaħ animal husbandry? Jekk ma tistax iżżomm l-annimali f’kundizzjoni xierqa, mela sempliċiment… raqqduhom.”
Persuna qalet lil Gwida.mt li l-Animal Welfare ġew ikkuntatjati u għandhom imorru bl-ambulanza fuq il-post.
Mara fuq Facebook żvelat li ċ-ċinju ġie mdaħħal f’gaġġa peress li hu marid. “Madankollu minix kuntenta bl-istat tal-ispazju magħluq… m’għandux ikun xogħol ELC (Environmental Landscapes Consortium Ltd.) li jieħu ħsieb l-annimali f’San Anton,” kitbet il-mara.

Kumment ieħor qal: “Il-president ħasel idejh fl-affari kollha billi qal li ma kienx responsabbli. Dażgur hu responsabbli. Kull ċittadin huwa responsabbli meta naraw il-moħqrija tal-annimali.”
Facebook/Anthony Weitz