Mument emozzjonanti għal Stephanie Chircop hekk kif qed tiċċelebra għeluq snin binha, Gabriel Scerri, b’messaġġ profond u mimli mħabba fuq il-midja soċjali.
Stephanie fakkret il-jum speċjali tat-twelid tiegħu, is-26 ta’ Marzu tal-2007, proprju fil-23:00, mument li għal dejjem baqa’ mnaqqax f’qalbha. Hija rrakkuntat kif f’dak il-jum twieldu biss żewġ subien, fejn Gabriel kien l-aħħar tarbija li twieldet. Qasmet ukoll dettall personali ħafna dwar in-nanna tiegħu, li kienet devota kbira ta’ San Ġużepp, u kienet titlob, “Agħtihuli dak it-tifel li għandek maġenbek San Ġużepp.” Ġimgħa biss wara l-festa, twieled Gabriel, tifel li kellu jsir uniku fil-familja kemm min-naħa materna kif ukoll paterna.
Fil-messaġġ tagħha, Stephanie esprimiet kemm tħossha xxurtjata li tista’ ssejjaħlu binha, waqt li faħħret il-karattru tiegħu u l-mod kif kiber f’raġel sabiħ b’qalb tad-deheb. Hija semmiet ukoll kif, minkejja l-isfidi u t-tbatijiet li għadda minnhom, Gabriel dejjem sab il-kuraġġ biex jaqbeż kull ostaklu u jegħleb il-biżgħat tiegħu.
B’mod poetiku, hija ddeskriviet kif rawh jittrasforma d-dmugħ tiegħu f’sinfonija sabiħa u jwettaq il-ħolm, xhieda tas-saħħa u r-reżiljenza tiegħu. Stephanie tagħlaq il-messaġġ tagħha b’kliem ta’ inkoraġġiment u mħabba, ħeġġitu jikteb l-istorja ta’ ħajtu hu stess, jgħix kull mument u japprezza l-ħajja, għax hija waħda biss.
“Nixtieqlek tant imħabba, barkiet u saħħa. Alla jbierek dejjem,” kitbet Stephanie, b’tislima mimlija emozzjoni minn qalb omm li tassew tħobb. Awguri lil Gabriel f’dan il-jum speċjali u għal futur mimli suċċess, kuraġġ u ferħ mingħand it-tim tagħna ta’ Gwida.
Facebook / Stephanie Chircop