Josette Ciappara isem rinomat fix-xena teatrali f’pajjiżna u bħalissa qed narawha tieħu sehem fis-serje Illaħwa fuq TVM kull nhar ta’ Tnejn. It-tifla tagħha Marta, ukoll involuta bi sħiħ fit-teatru. F’dan il-filmat li tistgħu ssegwu HAWN, wieħed jista’ jara intervista li saret ma’ Marta Vella, bint Josette u wkoll mal-attriċi Antonella Axisa.
Fl-intervista ma’ Sean Borg minn ġewwa t-Teatru Maneol, Marta tirrakkonta l-memorji tagħha ta’ meta kienet tfal. Hija tistqarr li tista’ tqis ruħha tarbija mwielda fid-dinja teatrali minħabba li kemm ommha u kemm missierha involuti f’din ix-xena.
Kibret fit-teatru u dejjem minn produzzjoni għall-oħra. Marta tirrakkonta kif meta kienet żgħira kienet tassew tifla antipatka, kliemha stess dan! Hi tkompli tgħid li kienet xewka u kienet taqbeż fin-nofs u mhux l-ewwel darba li spiċċat qalet paniku sħiħ. Meta kien ikun hemm xi pawża, pawża f’nofs linja li kienet tkun apposta, Marta tirrakkonta kif kienet taqbeż fin-nofs u tkompliha.
Hi tgħid li kellha talent mill-aqwa li matul iż-żmien tilfitu. It-talent li tiftakar script mill-bidu sal-aħħar! Insomma f’din l-intervista nsiru nafu lil Marta u lil Antonella aktar mill-viċin. Huma jaqsmu wħud mill-esperjenzi tagħhom fuq il-palk. Marta hija d-direttriċi ta’ ŻiguŻajg, filwaqt li Antonella Axisa hija wkoll id-direttriċi tal-festival Trikki Trakki.
Facebook / Teatru Manoel