Il-kantant u preżentatur J Anvil irċieva għadd enormi ta’ messaġġi fejn xtaqulu fejqan ta’ malajr u staqsewh kif jinsab wara li jumejn ilu żvela l-esperjenza kerha tal-Covid-19 li għadda minnha fis-sajf li għadda.
Waqt l-Erbgħa fost il-Ġimgħa J Anvil irrakkonta dak kollu li għadda minnu meta ħass sintomi koroh u rriżulta pożittiv għall-Covid-19. Bosta kienu dawk li nkwetaw għalih u saħansitra awgurawlu li jerġa’ jieħu saħtu lura malajr. Madanakollu J Anvil illum il-ġurnata jinsab meħlus mill-virus tant li diġà ilu għaddej ġmielu bil-preparamenti tal-programm tiegħu The Entertainers.
Il-preżentatur xtaq jagħmilha ċara u jserraħ ras kulħadd li hu jinsab meħlus mill-Covid-19 u hu kien infettat bil-virus xhur ilu fis-sajf. “Jien ninsab b’saħħti… Grazzi ħafna tal-messaġġi tagħkom”. Ħa ħsieb anke jħalli kliem ta’ apprezzament lejn kull min wera interess.
Lil J Anvil ser narawh għal darb’oħra għada s-Sibt fuq NET TV bil-programm tiegħu The Entertainers biex ikompli għaddej bl-ispettaklu kif fil-fatt diġà qiegħed jagħmel.
Facebook/ Ian J Vella