Jitlesta X-Xogħol Infrastrutturali f’Wied Il-Qlejgħa B’Investiment Ta’ €3 Miljun

B’investiment ta’ €3 miljun, tlesta l-proġett ta’ Wied il-Qlejgħa, li inkludiet tisħiħ tal-ħitan tal-baċin u r-rikostruzzjoni ta’ parti mit-triq prinċipali. Dawn ix-xogħlijiet kienu meħtieġa wara ħsarat kawża ta’ maltempata li kkawżat il-kollass ta’ partijiet mill-ħajt tal-ilqugħ u ritenzjoni tal-baċin ewlieni ta’ Chadwick Lakes.

Matul żjara fuq il-post, il-Ministri Chris Bonett u Miriam Dalli spjegaw kif Infrastructure Malta, bl-appoġġ tal-Energy & Water Agency, wettqet dan il-proġett biex tirrestawra l-aċċess u s-sigurtà, filwaqt li żżomm l-armonija mal-ambjent naturali. It-triq ġdida hi essenzjali għall-bdiewa u għall-familji li jżuru l-wied biex igawdu n-natura.





Il-Ministru Bonett saħaq li dan il-proġett mhux biss jirranġa l-infrastruttura iżda jtejjeb ukoll il-valur ambjentali tal-inħawi. Huwa semma li l-ħsarat ikkawżati mill-maltempata nbidlu f’opportunità biex isebbħu ż-żona. Il-Ministru Dalli qalet li dan hu l-ewwel proġett tat-tip tiegħu f’post ekoloġikament sensittiv, fejn mhux biss inħoloq spazju ġdid għall-komunità, iżda ġiet restawrata wkoll l-akbar ħażna tal-ilma fil-gżejjer Maltin b’kapaċità ta’ 35 miljun litru.

Ix-xogħol sar fi stadji differenti minħabba n-natura ġeoloġika tal-wied, u minkejja l-użu ta’ konkos u ħadid għall-konsolidazzjoni, ingħata wkoll prijorità lill-armonija mal-ambjent permezz tal-użu ta’ blokki tal-franka. Il-proġett jikkumplimenta x-xogħlijiet ta’ restawr preċedenti u joffri mixja ta’ 2 km li matul l-2024 diġà gawdew minnha aktar minn 9,200 persuna.

Il-proġett sar b’kollaborazzjoni bejn Infrastructure Malta, l-ERA, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, b’għajnuna minn Nature Trust Malta.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI