Josuel Grech qasam mument importanti fil-karriera tiegħu, f’Parkes Elvis Festival fl-Awstralja, fejn ġie onorat bi stilla li ġġorr ismu f’Graceland Gates fil-belt ta’ Parkes.
L-unur ingħata wara li Grech ġie rikonoxxut bħala r-rebbieħ tal-edizzjoni tal-2025 ta’ dan il-festival, wieħed mill-akbar avvenimenti ddedikati lil Elvis Presley. F’messaġġ li qasam fuq il-midja soċjali, huwa ddeskriva l-ġurnata bħala waħda speċjali, u qal li jkollu stilla b’ismu f’belt f’kontinent ieħor kienet esperjenza li qatt ma kien jimmaġina.
Grech qal li dan ir-rikonoxximent ifisser ħafna għalih, speċjalment għax jikkonferma li ħalla l-marka tiegħu fl-istorja tal-festival u tal-belt ta’ Parkes. Huwa rringrazzja lill-organizzaturi u lill-komunità lokali għall-mod kif laqgħuh u apprezzaw ix-xogħol tiegħu.
Il-Parkes Elvis Festival huwa magħruf li jiġbed eluf ta’ partitarji kull sena, u s-suċċess ta’ Grech f’din il-kompetizzjoni jitqies bħala kisba notevoli għal artist Malti fuq livell internazzjonali. Dan il-pass fil-karriera tiegħu jkompli jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fix-xena internazzjonali tat-tribute artists ta’ Elvis Presley.
Facebook / Josuel Grech