Kartolina Fuq Id-Desk Mimlija Mħabba – Is-Sur Lelio Spiteri

Mhijiex faċli tmexxi skola ta’ madwar 450 persuna. Kull ġurnata ġġib magħha mumenti tqal, tensjoni, deċiżjonijiet diffiċli u sitwazzjonijiet li jeħtieġu għaqal u paċenzja. Iżda kultant, f’nofs ġurnata mimlija responsabbiltà, jiġri mument żgħir li jbiddel kollox.

Kartolina fuq id-desk. Miktuba b’idejn ċkejknin. Ftit kliem sempliċi, iżda mimlijin mħabba. “Inħobbuk surmast.” F’dawk il-kliem hemm tispikka l-ħlewwa, l-innoċenza, is-sempliċità u l-ġenwinità li jafu joffru biss it-tfal. Ġest żgħir li jfakkrek għaliex, minkejja kollox, din il-vokazzjoni tibqa’ waħda speċjali.

Is-Sur Lelio Spiteri, is-surmast ta’ The Happy School f’Għawdex għadu kif qasam messaġġ fuq il-midja soċjali flimkien ma’ ritratt meħud tal-kartolina li ġie mogħti. “Iħobbuni wisq u jiena nħobbhom ħafna wkoll,” jgħid is-Sur Spiteri. Għalih, l-iskola mhijiex biss post ta’ tagħlim akkademiku iżda spazju fejn it-tfal għandhom iħossuhom milqugħa, mismugħa u rispettati. L-imħabba mhijiex biss kelma sabiħa iżda pedament tal-ħidma ta’ kuljum.



Il-ħidma tiegħu tmur lil hinn minn dmirijietu lejn l-skola. Hija mibnija fuq relazzjonijiet ġenwini, fuq fiduċja u fuq sens qawwi ta’ dedikazzjoni lejn kull student. Lelio Spiteri huwa surmast eżemplari li jemmen li edukazzjoni vera tibda mill-qalb u li student li jħossu sigur u maħbub huwa student li kapaċi jikber u jiffjorixxi.



Fl-aħħar mill-aħħar, kif tgħid dik il-kartolina ċkejkna fuq id-desk tiegħu, l-imħabba tibqa’ l-ikbar tagħlima: “Għax jekk tneħħi l-imħabba minn ħajjitna, x’jifdal?”



Ritratti:

Facebook/ Lelio Spiteri

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI