Kelba li sparixxiet fl-istat Amerikan ta’ Kansas aktar kmieni dan ix-xahar instabet aktar minn 50 mil ’il bogħod. Jidher li Cleo, labrador ta’ erba’ snin, ġiet rrappurtat nieqsa mill-belt ta’ Olathe, fl-Amerika fit-12 ta’ Lulju.
Diversi jiem wara, Cleo sabet ruħha fid-dar il-qadima tagħha f’Lecson, Missouri. Colton Michael, is-sid il-ġdid tad-dar, qal lill-midja lokali li hu u martu marru joqogħdu hemm kważi sentejn ilu. Għall-ewwel, Cleo dehret imbeżża’ meta xi ħadd kien jersaq viċin tagħha, skont is-Sur Michael.
Eventwalment, is-Sur Michael kiseb il-fiduċja ta’ Cleo u skennjaw il-mikroċipp, li s-sidien ta’ annimali domestiċi jagħmlu biex jekk dawn jintilfu jkunu jistgħu jiġu rritornati. Il-mikroċipp żvela isem is-sid ta’ Cleo, li kienu ħallew appell dwar in-nuqqas tal-kelba fuq Facebook ġimgħa qabel.
Jidher li malli sar il-kuntatt, is-sidien ta’ Cleo mill-ewwel għarfu l-isem tal-persuni li kienu xtraw id-dar mingħandhom!