“Kemm Għandna Xorti Li Għandna L-Lingwa Tagħna” – Il-Birżebbuġin – The People Of Birżebbuġa

Fuq il-paġna ‘Il-Birżebbuġin – The People of Birżebbuġa’ jiġu intervistati persuni minn Birżebbuġa. Huma jaqsmu ftit minn ħajjithom mas-segwaċi ta’ din il-paġna.

Tfajla jisimha Rachel Paris tkellmet ma’ din il-paġna. Hi qalet, “Għandi 22 sena u jiena minn Birżebbuġa. Missieri minn Birżebbuġa u ommi minn Ħal Safi. Bħalissa qiegħda fl-aħħar sena tal-Masters biex insir għalliema tal-Malti. Kemm għandna xorti li għandna l-lingwa tagħna u aħna fid-dmir li ngħożżu din il-lingwa billi ngħadduha lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Normalment, is-Sibt issibni l-quddies tas-6.30 ta’ filgħaxija indoqq u nkanta. Sa minn ċkuniti kont nieħu sehem fil-musical tat-tfal tal-quddies tal-lejl tal-Milied u dan l-aħħar tlett snin bdejt nieħu ħsieb l-istess musical. Kont ngħallem it-tfal il-Mużew u għadni mmur indoqq f’xi attivitajiet. Ħadt sehem f’xi pageants li jorganizzaw iż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK) u għal sentejn ħadt ħsieb il-Presepju Ħaj waqt l-attività ‘Milied fil-Pjazza’.”

Hi kompliet tispjega, “Jien ukoll membru fiż-ŻAK u nipprepara xi laqgħat għall-gruppi ta’ dawk li għamlu l-Griżma riċenti. Ġieli wkoll nieħu sehem fir-reċti mal-kumpanija teatrali Blanzuni, kumpanija li tiġbor fondi b’risq il-missjoni. Hija ħaġa sabiħa li, meta nistgħu, nagħtu ftit mill-ħin tagħna biex ikollna soċjetà aħjar milli sibnieha. Kburija ngħid li Birżebbuġa raħal imżewwaq: baħar, widien, ħwienet, kwiet u storbju. Ir-raħal tagħna għandna nżommuh nadif biex ingawduh aħna u l-oħrajn.”

Huwa important li napprezzaw il-lingwa unika tagħna u napprezzaw il-valur li nagħtu lura lis-soċjetà. Grazzi lil Rachel Paris talli bi kliemha tfakkarna nieħdu ħsieb u napprezzaw lil pajjiżna.





Facebook / Il-Birżebbuġin – The people of Birżebbuġa



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI