Kemm Taħsbu Li Għalaq Il-Kantant Enzo Gusman?

Illum Enzo Gusman qed jiċċelebra għeluq it-72 sena tiegħu u aħna ddeċidejna li nħarsu ftit lejn il-karriera ta’ Enzo tul iż-żmien. Karriera imżewqa b’tant u tant suċċess u kanzunetti li għadhom jissemew sal-lum il-ġurnata. Niskorpru ftit fatti kurjużi dwar wieħed mill-pijunieri tal-kanzunetta Maltija.

Kont taf?

Ta’ 17-il sena jirbaħ l-ewwel festival barra minn Malta fi Sqallija u f’dik is-sena, fl-1964 jispiċċa wkoll fuq il-faċċata tar-rivista l-GWIDA.

Jirbaħ darbtejn biex jirrapreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest, imma qatt ma jmur għax niħduhx sehem. Fl-1974 bil-kanzunetta Paċi Fid-Dinja u fl-1976 bil-kanzunetta Sing Your Song Country Boy. Jirrapreżenta lil Malta f'diversi pajjiżi oħra b'suċċess inkluż fic-Chile.

X’festivals ħa sehem fihom?

Fl- 1975 joħroġ il-kanzunetta Fil-Pjazza Tar-Raħal fil-festival tal-folk. Kanzunetta li hi ibbażata fuq stejjer li kien jgħid in-nannu tiegħu, oriġinarjament il-kanzunetta ma għamilitx suċċess, imma minn hemm bdiet tikseb il-popolarità tant hu hekk li Enzo kważi jixba jkanta din il-kanzunetta. Fil-Pjazza Tar-Raħal tispiċċa tirbaħ l-ewwel post f’kompetizzjoni fil-Kanada fejn ikkompeta ma' bosta kantanti u kanzunetti barranin.

1995 - Jirbaħ il-Festival Kanzunetta Maltija b'kanzunetta li kiteb hu u kanta flimkien ma' Tony Camilleri u John Bundy. Din Għalikom... (Il-Ħbieb Tiegħi) tirbaħ il-festival, iżda Enzo ma kienx hemm għax wara li kanta telaq għax kellu spettaklu.

1997 - Jirbaħ il-festival l-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta It-Teatru. Din tispiċċa tirbaħ erba’ premjijiet oħra, l-aħjar interpretazzjoni, l-aqwa lirika, l-aqwa tema soċjali u l-aqwa arranġament. Għandu ħafna għal qalbu l-lingwa Maltija u dak kollu li hu Malti.

Fl-2003 jieħu sehem fl-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta Agħtini Pinta Oħra li tirbaħ tema soċjali, kanzunetta dwar l-għoti tad-demm. Suġett ferm għal qalb Enzo u kemm-il darba ħadem bis-sħiħ biex jgħin f’dan ir-rigward.

Rebaħ aktar minn 20 festival, f’Malta u wkoll barra minn Malta.

Dwar il-familja ta’ Enzo...

Miżewweġ lil Carmen u mhux l-ewwel darba li spiċċaw ikantaw flimkien inkluż ġewwa l-Kanada!

Għandu żewġt ibniet...u waħda minnhom anke provat tirrapreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest tal-2003!

U għal dawk li forsi ma jafux, Enzo illum il-ġurnata nannu wkoll!

Fatti kurjużi...

Ma jaċċettax li jkanta l-kanzunetta Pajjiż Tal-Mickey Mouse għax skontu fiha kollox negattiv u spiċċa kantaha John Bundy. Hu jgħid li meta jikkritika l-Malta, jħobb ifaħħar dak li hu tajjeb ukoll!

Kważi spiċċa f’Jesus Christ Superstar, ma jaċċettax offerta minn raġel Ingliż għax jaħseb li kien fis-sakra. Dak ir-raġel Ingliż kien ħadd ħlief Tim Rice, il-kittieb ma’ Andrew Lloyd Webber ta’ Jesus Christ Superstar.

Ippreżenta programmi fuq it-tliet stazzjonijiet lokali: TVM, ONE u NET.

Ħa sehem f’musicals lokali inkluż l-ewwel rockopera Dream, Ulied In-Nanna Venut, L-Għarusa tal-Mosta u Taħt Tliet Saltniet.

Ingħata Ġieħ Ir-Repubblika għal ħidma tiegħu.

Ħajr lil filmat ta' Bijografiji li minnu ġibna ħafna mill-informazzjoni f'dan l-artiklu. F'isem Gwida.mt nifirħu lil Enzo f'għeluq żmienu u nirringrazzjawh ta' tant u tant kanzunetti sbieħ li tana matul iż-żmien. Grazzi mill-qalb u awguri f'dan il-jum speċjali!

Facebook / Enzo Gusman 

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI