Il-mewt għallarieda ta’ Dorselle Mifsud Bonnici ħasdet lil ħafna. Bosta studenti tal-mużika ltaqgħu magħha għal xi eżami jew ieħor tul il-karriera tagħhom u l-għalliema kienu wkoll f’kuntatt kontinwu magħha. Tliet snin ilu, hi daħlet tagħmel proċedura l-isptar Mater Dei u minn hemm sfortunament ma ħarġitx.
It-tifla tagħha, l-attriċi u kantanta brava Analise Mifsud fakkret il-memorja ta’ ommha u dawk it-tlett ijiem, tliet snin ilu li biddlulha ħajjitha ta’ taħt fuq. Analise tfakkar il-jum li ommha sellmitilha għall-aħħar darba meta daħlet f’kamritha, bisitha u qaltilha ċaw. Min kellu jgħidilha li dakinhar ħa jkun l-aħħar jum li ommha ħa tbusha meta kienet xi ħaġa li tagħmel regolarment ta’ kull filgħodu?
Analise tkompli tgħid, “Kien illum 8 ta’ Lulju, l-aħħar darba li rajt wiċċek jixgħel u għajnejk miftuħa. L-aħħar darba li smajt il-vuċi tiegħi u qomt. L-aħħar darba li ppruvajt titkellem, kont qed tagħmel l-almu tiegħek biex tgħix.” Iżda l-għada kien il-jum li Dorselle, sfortunament tilfet ħajjitha.
Donnu ħadd ma kien jimpurtah li kien żewġha jistennieha u li “kienet mara u omm li tħobb, ruħ sabiħa, mużiċista u għalliema b’tant passjoni li kienet tħobb u kienet maħbuba minn ħafna. Parti minni mietet f’Lulju 2017. Jiena nġorr dik il-parti bla ħajja kuljum miegħi,” tistqarr Analise.
Hi tagħlaq b’messaġġ qawwi, “Għada jimmarka 3 snin minn meta ħaduk. Ma jimpurtax kemm jgħaddi ż-żmien, il-memorja sabiħa tiegħek dejjem tleqq, u int tibqa’ mfakkra għal dejjem. Inħobbok għal dejjem.”
Facebook / Analise Mifsud