Nhar is-Sibt li għadda waqt L-Għanja Tal-Poplu 2021, rebaħ il-kantant Sean Borg bil-kanzunetta Fuq L-Ixkaffa. L-għada Sean xtaq jikteb messaġġ fejn apparti li qasam l-ewwel kummenti tiegħu ta’ ferħ wara r-rebħa, irringrazzja lil kull min kien hemm għalih u għenu jasal s’hawn.
Sean isemmi li sena ilu kien qed jieħu pjaċir jisma’ u japprezza l-kanzunetta rebbieħa ta’ dik l-edizzjoni, Jien u Int ta’ Marilyn Aquilina. “Għadni ma nistax nemmen li sena wara kont jien li rbaħt il-45 edizzjoni tal-L-Għanja Tal-Poplu🎙bil-kanzunetta ‘Fuq L-Ixkaffa’! Għandi ħafna nies li nixtieq nirringrazzja, fosthom lill-ġurija u l-organizzaturi ta’ dan il-festival, lil Bettina Muchmore u lil Philippa Naudi talli kitbu din il-kanzunetta u tas-snin twal ta’ ħbiberija, lil backing vocalists Cheryl Camilleri, Janice Debattista u Ryan Grech talli akkumpanjawni fuq il-palk u sapport kollu li urewni wara l-kwinti.”
Sean jirringrazzja fost l-oħrajn lill-backing vocalists li akkumpanjawh waqt din l-esperjenza fuq il-palk, lill-għalliema tal-vuċi Pamela Bezzina, lill-organizzaturi kollha ta’ din l-edizzjoni, u lill-ġurija talli fdaw fil-kanzunetta tiegħu. “Fl-aħħar, grazzi lill-familja u ħbieb tas-sapport u lil kull min bagħatli kummenti sbieħ fuq il-kanzunetta u l-interpretazzjoni tiegħi. Nixtieq niddedika din ir-rebħa lill-artisti u dawk kollha li jaħdmu f’dan is-settur. Kienu sena u nofs ta’ sfida kbira għalina imma jiġri x’jiġri l-arti ma tmut qatt għax tibqa’ ħajja ġo fina”
Awguri u prosit Sean!