Kemm nieħdu gost meta qarrejja tagħna jaqsmu l-istejjer uniċi tagħhom. Silvana Camilleri qasmet l-istorja tagħha, storja li kapaċi tkun ta’ ispirazzjoni lil ħafna oħra. Hi tgħid, “Daqs disa’ xhur ilu, dan ir-ritratt lanqas biss kien ippjanat. Imma għalija, mhux biss ritratt – huwa l-istorja tiegħi.”
Silvana tispjegalna, “F’Marzu tas-sena l-oħra, kont bdejt inħoss ix-xewqa li nbiddel fejn ngħix. Id-dar fejn kont kienet żgħira wisq biex inwettaq il-passjoni tiegħi – l-arti. Jien persuna li jekk noħlom xi ħaġa, irrid inwettaqha, u hekk għamilt.”
Ovvjament hi tistqarr, “Il-proċess ma kienx faċli. Il-ħsieb baqa’ jberren f’moħħi, u minkejja d-diffikultajiet finanzjarji, xorta bqajt għaddejja. Kif jgħidu, ‘where there is a will, there is a way’, u b’għajnuna minn dawk li tassew iħobbuni – il-familja u l-ħbieb, irnexxieli nagħmel dan il-pass importanti.”
Silvana tgħidilna, “Illum qed ngħix f’dar ġdida, li għad fiha elf ħaġa xi ssir. Flus qed joħorġu ma’ kull nifs li nieħu, iżda l-enerġija tiegħi ma waqfitx. Anzi, nissorprendi lili nnifsi b’kemm jien entużjasta f’dak li qed nagħmel.”
Hi tkompli, “Ngħix ħajja impenjattiva – xogħol full-time mhux relatat mal-arti, rinovazzjonijiet fid-dar, u fl-istess ħin, nipprepara għall-ewwel esebizzjoni solo tiegħi li se ssir f’Mejju. Issa li qed nasal lejn l-aħħar stadji, ix-xogħol artistiku jinsab lest biex imur għall-framing. Wara xhur ta’ sforz u sfidi, il-prodott finali ħareġ aħjar milli stennejt. L-emozzjonijiet kollha li għaddejt minnhom f’dawn ix-xhur ħarġu fl-arti tiegħi b’mod iktar profond minn qatt qabel.”
Silvana tgħid, “Ma kinitx triq faċli xejn. Waqqajt u qbadt it-triq mill-ġdid. Bkejt fis-skiet, tlabt li dan iż-żmien diffiċli ma jdumx wisq. Ħafna drabi lanqas kont qed norqod. Wara t-tbissima li nuri fuq Facebook, ma kontx dejjem inħoss dak is-serħan li jidher fuq barra. Ġieli tajt kuraġġ lil ħaddieħor, meta fil-verità kont jien li kelli bżonn min jagħtihuli. Ħadd ma’ jkun jaf x’għaddej minn ġo fik, u mhux dejjem faċli tħossok rebbieħ.”
Hi ttemm tgħidilna, “Imma llum ninsab kuntenta. Illum sibt lili nnifsi mill-ġdid. Mhux kollox perfett, imma issa għandi viżjoni ċara ta’ fejn qiegħda u fejn irrid nasal. Dak li disa’ xhur ilu kien sħaba, illum hu ċar kristall.”
Ma’ dan iżżid, “Naf ir-responsabbiltajiet tiegħi u naħdem b’għaqal. Neħħejt dak kollu li jxekkilni u żammejt biss dak li hu meħtieġ – ix-xogħol, l-arti, u l-imħabba ġenwina. Ir-ritratt, meħud minn Lorella Castillo, jirrakkonta dawn l-aħħar xhur ta’ ħajti. Hi rnexxielha toħroġ il-verżjoni tagħha ta’ din l-istorja, imma għalija, din hija l-isbaħ verżjoni tiegħi – aħjar minn qatt qabel.”
Hi tikkonkludi, “Il-kokki f’dan ir-ritratt għandhom tifsira speċjali. L-ispirtu tagħhom kien fija f’dawn ix-xhur; għex miegħi, kien xhur ta’ nuqqas ta’ rqad u ħidma bla waqfien. Imma llum, ħriġt rebbieħa.”
Lorella Castillo