Kollox Lest Għal Festa Frawli Fl-Imġarr Nhar il-12 Ta’ April – Ċelebrazzjoni Ta’ Prodotti Magħmula Mill-Frawli

Matul ir-rebbiegħa, fl-aqwa tal-istaġun tal-frawli, l-Imġarr jieħu dehra isbaħ għaliex tkun qed toqrob  Festa Frawli.   Bi ħġarhom l-Imġarrin jippreparaw sabiex jilqgħu lil min jogħġbu jżur dan ir-raħal sabiħ waqt din il-festa li din is-sena ser issir il-Ħadd, 12 ta’ April fil-pjazza tal-Imġarr.



Ir-reġina tal-frott hija l-protagonista f’dan il-jum. Mill-għelieqi tagħhom il-bdiewa jaqtgħu l-isbaħ u l-itjeb frawli friska. Il-koki jippreparaw ikel u ħlewwiet delizzjużi b’din il-frotta tant bnina. Il-lista tal-menu hija twila mhux ħażin u kull min jiġi għandu jsib xi ħaġa li jiggosta.



Għal dawk li jħobbu jfittxu dik it-togħma ta’ prodott awtentiku, din is-sena nissuġġerulkom taslu wasal fejn il-koki Renzo u Anton Curmi, li  kull siegħa se jkun qegħdin jagħtu ideat kif tinkludi l-frawli f’riċetti varjati.  Minbarra dawn ikun hemm għall-bejgħ prodotti u tifkiriet maħduma bl-idejn fost ħafna affarijiet oħra. Ma tonqosx il-wirja tat-tpinġijiet li għamlu t-tfal, li pparteċipaw fil-kompetizzjoni tat-tpinġija. Għal nofsinhar jinqasam il-kejk il-kbir li jkun miksi bil-frawli bnina.



Matul il-ġurnata kollha l- attivitajiet għall-familja ma jaqtgħux, fosthom mixjiet organizzati kull siegħa għal postijiet ta’ nteress madwar l-Imġarr. Dawn jitilqu mill-pjazza fit-8am u kull siegħa jkun hemm mixja differenti. L-aħħar mixja tal-11:00 tinkludi vista fil-mitħna tad-dqiq. 

It-Tempji Ta’ Ħaġrat u l-Iskorba ikunu miftuħin għall-publiku bi prezz ridott.  Attivitajiet għat-tfal madwar il-pjazza, informazzjoni u esebizzjonijiet. Diversi mistednin speċjali, fosthom id-DJ Pierre Cordina, kantanti u żeffiena janimaw il-palk prinċipali bit-talenti tagħhom. Se jkun hemm żewġ parking areas fil-qrib jew park and ride minn Ta’ Qali.  Ejjew u ħudu gost magħna!

Għal aktar informazzjoni u updates segwu l-paġna ta’ Facebook https://www.facebook.com/FestaFrawli Transport pubbliku – 44, 238 and 101 (miċ- Cirkewwa) jwassalkom qrib ħafna tal-attività. Din l-attività hija organizzata mill-Kunsill Lokali tal-Imġarr u mill-Kummissjoni Lejla Mgarrija, bl-għajnuna ta’ ħafna voluntiera.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI