Żagħżugħ Malti qed jagħmel isem għalih barra minn xtutna. Joyden Sarcia rnexxielu jikseb l-ewwel post fil-Porto Box Cup fil-Portugall, fejn ikkompetta fil-kategorija Boys Benjamins Under 45kg.
Dan is-suċċess huwa aktar impressjonanti meta wieħed iqis li Joyden kien l-iżgħar parteċipant Malti. Minkejja dan, hu spikka bi prestazzjoni b’saħħitha u determinata li wasslitu sal-midalja tad-deheb!
Ftit tax-xhur ilu, il-paġna The Malta Records kienet diġà rrikonoxxiet lil Joyden hekk kif ġie mogħti ir-rekord nazzjonali bħala l-iżgħar boxer fil-gżejjer Maltin bl-iktar snin ta’ taħriġ f’dan l-isport. Bla dubju, jidher biċ-ċar li dan ix-xogħol u l-impenn tiegħu qed iħallu l-frott tagħhom.
Joyden jittrenja kuljum taħt il-gwida tal-kowċ Steve Martin fil-Fight Factory, flimkien ma’ missieru u għalhekk is-sapport fil-familja huwa pedament sod biex jintlaħaq ċertu livell. Il-vjaġġ lejn il-Portugall sar possibbli grazzi għall-kowċ Roland Sammut.
Dan huwa mument ieħor ta’ kburija għall-isport Malti u sinjal ċar li anke sa minn età żgħira, talent bħal dak ta’ Joyden jista’ jagħmel suċessi kbar. The Malta Records għalaq il-messaġġ tiegħu billi awguralu itkar suċċess: “Prosit Joyden Kompli imxi ‘l quddiem u xejjer il-bandiera Maltija fil-għoli !”
Facebook/ The Malta Records