Gwida.mt tkellmet ma’ dik il-kantanta li sena ilu waqt Malta’s Got Talent tant serqet qlub kemm bil-personalità tagħha kif ukoll bit-talent li wrietna. Matul dan il-vjaġġ rajna fost l-oħrajn emozzjoni kbira mingħand Emma Cutajar, l-aktar fl-ewwel audition. Aħna nirringrazzjaw lil Emma talli aċċettat din l-intervista, fejn tkellimna fuq Malta’s Got Talent, il-kanzunetta ġdida li għadha kif ħarġet, u l-karriera tagħha inġenerali.
X’ħajrek u kif kont iddeċidejt li tipparteċipa f’Malta’s Got Talent?
Jiena persuna anzjuża allura kelli bosta beżgħat biex napplika u nfatti ommi kienet applikatli u qaltli biex naħsibha sew. Ftit ġimgħat qabel ma ħarġu l-applikazzjonijiet bdejt immur lezzjonijiet tal-kant u l-kitba ma’ Alexandra Alden biex inkompli naħdem fuq materjal oriġinal li ktibt u kkomponejt jien. Iddeċidejt li nidħol għaliex f’kompetizzjoni bħal din titgħallem xi ħaġa żgur u ttik pjattaforma kbira u esperjenza tal-ġenn, apparti mill-fatt li minn dejjem kont insegwi ta’ barra minn Malta u noħlom li xi darba nkun hemm.
X’kienu l-biżgħat li seta’ kellek għal kompetizzjoni bħal din?
Beżgħat kelli ħafna iżda dħalt fil-kompetizzjoni mingħajr ebda aspettattivi. Minħabba li kienet l-ewwel darba wkoll li kont ser noħroġ materjal oriġinali tiegħi u l-ewwel darba li kont se ndoqq l-pjanu u nkanta live fl-istess ħin. Minħabba li huwa programm televiżiv popolari u segwit ħafna ma tkunx taf kif ser tintlaqa’ minn nies iżda kont lesta li nieħu r-riskju u kuntenta ħafna bid-deċiżjoni tiegħi għaliex grazzi għal dan infetħuli bosta bibien ġodda.

Kif bidlitlek ħajtek l-esperjenza tal-Malta’s Got Talent?
Din l-esperjenza għenitni nikber mhux biss bħala artista iżda anke bħala persuna għaliex tatni pjattaforma fejn stajt naqsam it-talent tiegħi li huwa pass aktar viċin biex il-ħolm tiegħi isir realtà. Dan filwaqt li l-esperjenza f’Malta’s Got Talent aċċertatni illi dan huwa li nixtieq għall-futur tiegħi. Fil-futur nixtieq ukoll naħdem ma artisti varji fl-industrija tal-mużika bħala kantawtrici.
X’kienet l-ikbar tagħlima li ħadt minnha?
Bis-saħħa ta’ MGT ħdimt ma’ crew u producers verament bravi u professjonali. Huma għenuni nifhem b’mod aħjar kif taħdem din l-industrija. Rabbejt aktar kuraġġ u skoprejt il-vera imħabba li għandi lejn il-mużika.
Min hi l-ewwel persuna li tiġi f’moħħok qabel titla’ fuq palk tkanta?
Dejjem naħseb f’oħti Erica iżda fl-audition iktar u iktar, minħabba l-kanzunetta li għażilt li nkanta. Infatti anke qabel ma nitla’ fuq il-palk ngħid talba lilha u naf li tkun qiegħda miegħi waqt li nkun qed nagħti l-prestazzjoni tiegħi.

Ma nistgħux ma nsemmux il-famuż Golden Buzzer! X’kienu s-sentimenti dak il-ħin malli rajt lil Maxine tagħfas dik il-buttuna speċjali?
Dak il-ħin qas kont naf x’qed jiġri u għadni s’issa ma nistax nemmen. Il-mument ġara malajr, qisu ħolma ghax minkejja li fuq it-televixin il-mument jidher twil, fil-verità kollox ġara malajr u l-ewwel reazzjoni tiegħi kienet li nibki għax kont naf kemm kienet kburija oħti u kemm xtaqtha tkun hemm fiżikament f’dak il-mument sabiħ li kelli l-opportunità naqsam mal-familja tiegħi.
Għadek kif ħrigt kanzunetta oriġinali oħra minn tiegħek bl-isem ta’ Mad at Myself. Xi tfisser għalik din il-kanzunetta u għaliex dak it-titlu?
Din il-kanzunetta ktibtha s-sena li għaddiet. Niftakarni l-għada kont skola u ma stajtx norqod allura biex ngħaddi l-ħin ftaħt il-laptop u bdejt nesperimenta bi stil differenti, aktar Pop. L-isem mill-ewwel laqatni u naħseb kien faċli biex nagħżlu għaliex inħobb nagħzel parti mir-ritornell, għax l-iktar li tispikka Mad at Myself u naħseb tinstema’ tajjeb fil-widna u saħansittra ttik ħjiel dwar is-suġġett tal-kanzunetta iżda xorta ma tikxifx kollox.
Kieku kellek tkellimna dwar l-iktar ħaġa li għadek tixtieq li jirnexxielek tagħmel fil-futur – xi tkun?
Nixtieq bosta affarijiet u ninsab lesta li naħdem ħafna għalihom iżda naħseb l-aktar hi li mmur nistudja barra minn xtutna wkoll, naħdem ma’ artisti varji u forsi jkun hemm ukoll record label li niffirma magħha. Għadni ta’ età relattivament zgħira u fadalli ħafna x’nigħallem u x’naħdem. Dan għadu biss il-bidu.
Il-parir u l-messaġġ tiegħek għal min jixtieq jieħu sehem f’xi kompetizzjoni, speċjalment tal-kant, u għadu qed jibża’.
Naħseb li kulħadd għandu jemmen fih innifsu u ma jibżax jieħu ċans u riskju. Dejjem se titgħallem xi ħaga u jkollok pjattaforma kbira fejn tista turi t-talent tiegħek. Jekk din l-esperjenza tkun pożittiva u tikber minnha, qatt tinsa minn fejn bdejt u min kien miegħek meta ma kien jafek ħadd però jekk ma tkunx waħda pożittiva qatt taqta’ qalbek. Huma d-diżappunti fil-ħajja li jwassluna biex napprezzaw aktar il-mumenti s-sbieħ meta jaslu. U jekk temmen u taħdem, jaslu żgur!
Minn qalbna f’isem it-tim kollu ta’ Gwida.mt nirringrazzjawk mill-ġdid Emma talli aċċettajt li taqsam magħna bosta esperjenzi tiegħek waqt din l-intervista. Nittamaw li naraw aktar xogħol mingħandek ma ndumux, u nawgurawlek aktar suċċessi fil-karriera tiegħek u fil-ħajja inġenerali!