Il-mara ammirevoli, Arielle Bonnici, qasmet l-istorja tagħha f’filmat imtella’ mill-Malta Paralympic Committee.
“Għandi 39 sena, twelidt b’kundizzjoni medika jisimha Insensittività Konġenitali għall-uħigħ,” hi qalet. “Dan ifisser li jien ma nħossx uġigħ f’idejja u f’saqajja. Kelli problemi b’saħħti minn meta kelli 5 snin.”
“Għax ma nħossx uġigħ, kont inweġġa’ l-għaksa u ma kontx ninduna li ksirt xi ħaġa u kont inkompli nimxi. F’dak iż-żmien, it-tobba ma kienux jafu x’kienet il-kundizzjoni tiegħi. Konna nqattgħu xhur fl-isptar f’Londra nagħmlu dawn l-operazzjonijiet. Meta kelli 25 sena kelli l-ewwel amputazzjoni.”
“It-tobba qaluli li nista’ nkompli nimxi b’krozzi u nibqa’ ġo siġġu tar-roti, jew nistgħu nagħmlu amputazzjoni imbagħad sieq prostetika ħalli nkun nista’ nerġa nimxi. ALlura ħadt dik id-deċiżjoni. U dik kienet l-ewwel ħaġa biex bdejt nirkupra l-indipendenza tiegħi.”
“Sena ilu kelli infezzjoni serja f’saqajja u spiċċajt fl-ITU. Meta rkuprajt, kelli nibda kollox mill-ġdid għax ġismi kien dgħajjef. Kont nista’ naqta qalbi faċilment dak iż-żmien, imma xi ħaġa ġo fija ma ħallietnix. Il-persevanza dejjem kienet importanti għalija biex inkompli u ninsab fejn jien issa,” hi kompliet tgħid.
“Messaġġ li nixtieq nagħti lid-dinja hu li kull persuna għandha l-kapaċitajiet tagħha. Allura ejjew ngħinu lil kulħadd jimxi ‘l quddiem, u mhux biss jgħixu imma biex jirbħu u jgħixu l-aħjar ħajja tagħhom.
Facebook / Malta Paralympic Community / Arielle Bonnici