Din is-sena, id-Dar tal-Providenza se terġa’ tixgħel il-palk tagħha b’kummiedja ferrieħa u oriġinali bl-isem “Taħwid Garantit”, xogħol miktub minn David Muscat u li jwiegħed ħafna daħk, sorpriżi u mumenti
ta’ qalb.

Il-biċċa ddur madwar familja ta’ seba’ persuni – il-familja Cassar Torreġani Mifsud – familja tipikament Maltija, ftit imħawda imma simpatika ħafna, li kull fejn ikunu l-problemi donnhom jiġru warajhom!
Imma hawn jidħol il-misteru: Min huma Flosi, Suzy u Nena? X’qed jagħmlu fid-dar tal-familja Cassar Torreġani Mifsud? U għaliex kollox jidher li qed jinqaleb ta’ taħt fuq hekk kif dawn it-tliet karattri jidħlu f’ħajjithom?

Minn taħwid għal ieħor, din il-kummiedja turi l-kaos ħelu li jista’ jinħoloq meta nies differenti jiltaqgħu taħt saqaf wieħed, iżda fl-aħħar mill-aħħar turi wkoll l-għaqda u s-sens ta’ familja li jġegħluna nħarsu lejn ħajjitna b’aktar tbissima.
Il-produzzjoni tinkludi l-parteċipazzjoni ta’ residenti u ħaddiema tad-Dar tal-Providenza flimkien ma’ atturi minn barra, esperjenza li terġa’ turi kemm it-talent u l-komunità jistgħu jinħadmu f’spettaklu wieħed mill-isbaħ.
Dati tal-produzzjonijiet għall-pubbliku:
- L-Erbgħa, 17 ta’ Diċembru, fis-19:00
- Il-Ħamis, 18 ta’ Diċembru, fis-19:00
Post: Sala San Pawl, Id-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi.
Bookings: 2146 2844 / 9945 7784
Id-dħul huwa b’xejn, iżda kwalunkwe donazzjoni tkun milqugħa
b’għożża kbira