“L-2016 Għallmitni Nżid Rwol Ġdid F’Ħajti…Wieħed Li Llum Inġorr Bi Kburija.” – Ir-Riflessjoni Sinciera Ta’ Ira Losco

Is-sena 2016 tibqa’ mmarkata fil-ħajja ta’ Ira Losco bħala waħda mill-aktar snin diffiċli u fl-istess ħin ta’ sodisfazzjon kbir. Hekk kif waslet il-ġimgħa tal-Eurovision, il-kantanta Maltija qasmet riflessjoni personali u onesta dwar sena li bidlitilha mhux biss il-karriera, iżda wkoll il-mod kif tħares lejn il-ħajja.

Wara 14-il sena mill-parteċipazzjoni tagħha fl-Estonja, Ira ddeċidiet li terġa’ tipprova x-xorti tagħha fil-Malta Eurovision Song Contest. Fl-istess perjodu, kienet qed tikteb u tirrekordja proġett ambizzjuż ferm: double album – mhux album wieħed, imma tnejn. Madankollu, tliet ġimgħat biss qabel il-finali nazzjonali, ħajjitha ħadet daqqa mhux mistennija – saret taf li kienet tqila. Aħbar li, minkejja l-ferħ tagħha, ħawditha ħafna emozzjonalment. Għall-ewwel darba wara snin twal, Ira bdiet tiddubita lilha nnifisha u tħoss li mhijiex qed tkun kompletament hi stess.

Ir-rebħa fil-MESC tal-2016 kienet għalhekk esperjenza ħelwa u morra fl-istess ħin. Meta mqabbla mal-2002, meta kienet iżgħar, mingħajr pressjoni u mingħajr x’titlef, is-sitwazzjoni kienet totalment differenti. Din id-darba, il-piż tar-responsabbiltà, il-biża’ u l-aspettattivi kienu ferm akbar. Minkejja kollox, l-esperjenza tal-Eurovision kienet waħda memorabbli. Ira tistqarr li kellha l-ħin ta’ ħajjitha, anke waqt li kienet ħames xhur tqila. Dak il-perjodu wassalha wkoll biex tiffirma ma’ Warner Music Sweden, pass importanti fil-karriera tagħha.



Fil-finali, Malta tilfet it-Top 10 b’differenza żgħira..iżda l-vjaġġ ma waqafx hemm. Lura Malta, Ira kompliet taħdem fuq id-double album tagħha, minkejja li l-isfidi fiżiċi dejjem komlpew jikbru: ġranet twal, żaqq dejjem tikber u inqas nifs. Madankollu, il-proġett finalment tlesta. No Sinner No Saint wassal għal għaxar kanzunetti li jkomplu jsaħħu l-pożizzjoni tagħha fix-xena mużikali.



Ira temmen li “fejn hemm ir-rieda, hemm triq” u l-2016 għallmitha wkoll  żżid rwol ġdid f’ħajjitha – wieħed li ħadilha ż-żmien biex tifhmu, iżda li llum iġġorr bi kburija. Sena diffiċli, iva, imma wkoll waħda mill-aktar snin sodisfaċenti, għax għallmitha li s-suċċess fil-ħajja ma jitkejjilx biss bil-kisba professjonali imma wkoll b’dak li nibnu fil-ħajja personali tagħna.



Ritratti:

Facebook/ Ira Losco

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI