L-artista Maltija tal-miniaturi Rebecca Micallef kisbet rikonoxximent internazzjonali wara li x-xogħol tagħha ġie inkluż fil-pubblikazzjoni prestiġjuża 100 Artists of Europe maħruġa minn Culturale Lab fl-Italja.
Rebecca kienet waħda minn 100 artist magħżula minn madwar il-kontinent Ewropew u b’mod partikolari, l-unika artista tad-dollhouses li ġiet inkluża f’dan il-ktieb.
Ix-xogħol li ġie magħżul, Le Château, huwa dolls’ house impressjonanti fl-istil Ġorġjan, mimli eleganza Franċiża u Barokka. Magħrufa għad-dettall metikoluż u dettalji storikament preċiż tagħha, Rebecca toħloq spazji minjaturi li jidhru kważi reali, b’kull kamra mimlija elementi arkitettoniċi elaborati u dekorazzjoni magħżula bir-reqqa.
Meta qasmet l-aħbar fuq il-midja soċjali, Rebecca esprimiet il-gratitudni tagħha, “Nirringrazzja mill-qalb lit-tim kollu wara l-ktieb u lil Culturale Lab għal din l-opportunità. Kien privileġġ li nkun parti minn dan il-proġett speċjali.”
Dan is-suċċess iżid ma’ sensiela ta’ kisbiet oħra fil-karriera tagħha. Fl-2024, hija nediet il-ktieb tagħha Designing and Decorating a Period Dolls’ House fl-Olanda – gwida li tiġbor fihom l-esperjenza u l-passjoni tagħha għall-ħolqien ta’ djar minjaturi ta’ żmien storiku, u toffri ħarsa dettaljata lejn l-arti tad-disinn u d-dekorazzjoni ta’ interjuri minjaturi rikki fid-dettall.
Prosit, Rebecca – tassew kisba li tqiegħed it-talent Malti fuq mappa Ewropea!
Instagram / my.miniature.world