L-Awtorità Tal-Ippjanar Tassisti Finanzjarjament F’Xogħlijiet Ta' Rinnovazzjoni Fit-Teatru Salesjan F’Tas-Sliema

It-Teatru Salesjan f’Tas-Sliema, li bħalissa għaddej minn xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni estensivi, irċieva għotja finanzjarja mill-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp tal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jitlesta l-proġett. Ir-rinnovazzjoni tat-teatru jiżgura li l-post isir spazju aktar professjonali u ambjent aktar komdu għal udjenzi differenti.





Il-proġett ġie introdott mid-Direttur Eżekuttiv tat-Teatru Salesjan, Fr Charles Said, fil-preżenza tal-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u Ippjanar Onor. Aaron Farrugia, iċ-Chairperson tal-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp, Perit Vincent Cassar, u s-Sindku ta’ Tas-Sliema, s-Sur Anthony Chircop.

L-Awtorità, permezz ta’ għotja ta’ €92,000, se tkun qed tkopri l-ispejjeż tar-restawr tal-aperturi kollha tad-dawra tal-bini, xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-faċċata, inkluż ż-żewġ gallariji tal-ġebel, u rinnovazzjoni tal-metall ornamentali tul il-ġnien eżistenti fuq in-naħa tat-teatru.



Perit Vincent Cassar, Chairperson tal-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp qal “l-appoġġ li qed nagħtu għax-xogħlijiet strutturali u ta’ rinnovazzjoni li qed isiru ġewwa dan it-teatru se jwassal għall-benefiċċju għall-komunità ta’ Tas-Sliema.

It-Teatru Salesjan jagħti lill-komunitajiet sens ta’ sjieda fix-xogħol tagħhom u jintroduċu modi innovattivi sabiex iġibu l-arti qrib in-nies. Mhux ta’ b’xejn li s-sena li għaddiet ingħataw il-Premju tal-President għall-Kreattività.”

“Għandna obbligu mhux biss li nissalvagwardjaw il-wirt mibni tagħna imma responsabbiltà li nipprovdu spazji fejn komunitajiet futuri jistgħu jintegraw u jibnu relazzjonijiet aħjar permezz ta’ proġetti bħal dan.” temm Perit Cassar. Fl-2019, il-proġett irċieva wkoll appoġġ finanzjarju konsiderevoli permezz tat-Theatre Spaces Funding Scheme li huwa ġestit b’mod konġunt mill-Arts Council Malta u Teatru Malta.

It-Teatru Salesjan, li jinsab fil-parti residenzjali ta’ Tas-Sliema, huwa l-eqdem teatru eżistenti fil-lokalità u wieħed mill-eqdem teatri li għadhom jintużaw f’Malta. Imwaqqaf fl-1908, it-Teatru Salesjan kien sors popolari ta’ divertiment għall-pubbliku.

Is-snin 30 kienu żminijiet kruċjali fl-istorja tat-teatru, meta Carmelo Galea, Fra Salesjan Malti, irritorna lejn pajjiżu minn Modica ġewwa Sqallija. Wara l-wasla tiegħu, it-teatru żied il-produzzjoni artistika tiegħu, partikolarment fejn tidħol il-mużika.

Wara l-mewt tiegħu fis-sebgħinijiet, it-teatru baqa’ jintuża mill-grupp teatrali Atturi Salesjani sakemm il-maniġment eventwalment biddel l-idejn fl-2011 u beda jaħdem biex jirriġenera il-produzzjoni tat-teatru għal dak li hu llum.

Fuq il-proscenium tat-Teatru Salesjan hemm pittura speċjali ħafna fiż-żejt fuq il-ġebla tal-artist Malti Giuseppe Calì. Il-pittura turi Il-Virtujiet tal-Umanità; Fidi, Onestà, Morali, Għarfien u Tjubija, u ġiet inawgurata fl-1910 minn Don Allegra.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI