Fuq il-midja soċjali, il-Malta Union of Teachers għamlet stqarrija marbuta mal-għajdut li l-Ministeru tal-Edukazzjoni nbidel fit-tmexxija minħabba falliment fil-qasam edukattiv.
“Fid-dawl tal-bidla fit-tmexxija tal-Ministeru tal-Edukazzjoni kif imħabbra fi tmiem il-ġimgħa, l-MUT hi mħassba ferm dwar ir-rabta li qed tipprova tintiseġ li tali bidla hi dovuta għal falliment fil-qasam edukattiv.”
“Il-qasam edukattiv altru milli falla, u xhieda ta’ dan hi l-ħidma sfieqa u kontinwa tal-edukaturi li kemm f’Marzu u fix-xhur ta’ wara mid-djar kif ukoll fil-perjodu tal-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel ħadmu qatigħ sabiex l-istudenti jkomplu jirċievu edukazzjoni ta’ kwalità matul il-pandemija.”
L-MUT kompliet billi qalet li tħoss li “l-edukaturi u l-istudenti m’għandhomx ikunu vittma ta’ deċiżjonijiet politiċi li ma għandhom l-ebda rabta mal-edukazzjoni.”
Għaldaqstant l-MUT tistenna li “l-Ministru l-ġdid tkompli taħdem u tibni fuq dak kollu li hu tajjeb fis-settur, speċjalment dak li nbena waqt il-pandemija, sabiex l-iskejjel ikomplu jkunu megħjuna u l-ħidma tal-edukaturi tkompli ssir f’kuntest li jassigura l-aqwa miżuri ta’ saħħa u sigurtà.”