L-Evoluzzjoni Ta’ Facebook Qed Tħalli Impatt Negattiv Fuq Il-Komunità?

Yanis Azzopardi li jaħdem fil-qasam tal-marketing qajjem diskussjoni interessanti dwar il-futur ta’ Facebook, billi staqsa jekk il-pjattaforma hijiex għaddejja minn kriżi ta’ identità.

Skont Azzopardi, minkejja li bħala professjonist jifhem l-importanza tal-metriċi u l-bżonn li pjattaformi diġitali jevolvu biex iżommu l-interazzjoni għolja, ma jistax ma jinnotax kif Facebook qed jitbiegħed mill-iskop oriġinali tiegħu: konnessjoni ġenwina bejn in-nies.

Hu jfakkar kif il-pjattaforma evolviet minn spazju personali għal wieħed dominat min-negozji u l-kummerċjalizzazzjoni, bidla li jammetti li dawk li jaħdmu fl-istess settur ikkontribwew għaliha. Madankollu, l-introduzzjoni ta’ posts anonimi jew b’laqmijiet, skontu, tidher bħala pass ieħor li qed inaqqas il-kwalità tal-komunità.

Azzopardi jikkritika l-kontenut li qed jimla l-feed, b’mistoqsijiet banali u sensazzjonalistiċi minn “Anonymous Participant”, u jqis dan bħala tnaqqis fil-livell tad-diskussjoni u fil-valur soċjali tal-pjattaforma. Skontu, Facebook qed jissagrifika l-kwalità tal-komunità favur klikks irħas u involviment superfiċjali.

Filwaqt li jbassar futur inkwetanti, Azzopardi jwissi li l-anonimità tista’ tiftaħ il-bibien għal aktar bullying u tossiċità, moħbija wara identitajiet mhux magħrufa. Hu jenfasizza li ż-żgħażagħ diġà qed jitilqu lejn pjattaformi oħra, u jekk Facebook ma jiddeċidix malajr x’irid ikun, jista’ jispiċċa bla udjenza li trid tipparteċipa fih.







Ritratti:

Facebook / Yanis Azzopardi

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI