Joseph Grech, magħruf bħala Joe Grech imwieled fid-9 ta’ Frar tal-1934 huwa kantant Malti, li twieled f’Bormla. Huwa magħruf l-iktar għall-introduzzjoni tal-kant tal-Ilsien Malti lill-udjenza internazzjonali, speċjalment permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-Eurovision Song Contest tal-1971.
Huwa kien l-ewwel Malti f’dan l-avveniment televiżiv. Il-kanzunetta Maltija dakinhar kienet Marija l-Maltija li rebħet il-festival lokali u rebħet id-dritt li tirrappreżenta lil Malta.
Joe kien idoqq maż-Żejtun Band Club iżda imbagħad kien iddeċieda li jiffoka fuq il-kant. Fl-1960 kien l-ewwel rebbieħ tal-Malta Song Festival bil-kanzunetta Vola Uccellino. Dak iż-żmien il-kanzunetti kienu jkunu bil-lingwa Taljana.
Fl-1962 Joe reġa’ rebaħ dan il-festival u dan wasslu għall-festivals oħra barra minn xtutna. Wara li ħa sehem fil-Eurovision Song Contest, Joe Grech dar aktar pajjiżi. Fosthom kellu ċ-ċans li jkanta: fil-Kanada, fl-Amerika, fl-Awstralja, fl-Irlanda, fl-Iskozja u fl-Ingilterra.
Facebook / Salvatore Muscat