“L-Imsaren Waqfu Jaħdmu U Bdew Jivvalenawni Minn Ġewwa” – Omm Li Spiċċat Tiġġieled Għal Ħajjitha Wara Li Kellha Lil Binha Ftit Jiem Ilu

Tarbija ġġib magħha ħafna u ħafna ferħ iżda għall-familja ta’ Yanica Barbara Sant, din seta’ kellha konsegwenzi fatali. L-omm qasmet l-istorja tagħha fuq Facebook xi ftit jiem ilu biex tgħaddi ringrazzjament lil dawk kollha li għenuha wara li kellha lil binha.

Yanica tibda tirrakkonta, “Wara tmint ijiem li wellidt lill-għażiż ibni, il-lejl li għadda rqadna għall-ewwel darba flimkien fuq sodda ta’ sptar. Kellu jkun l-isbaħ perjodu ta’ ħajjitna għall-familja tagħna iżda ħabba t-traskuraġni u negliġenza tat-tabib li kont nafda b’għajnejja magħluqa bit-tqala dan ma kienx possibbli. Minflok spiċċajt niġġieled għal ħajti mingħajr ma naf kemm kont qrib li jibgħatni d-dinja l-oħra.”

Din l-omm tkompli tgħid, ” Li kieku ma kienx għall-intervent f’waqtu tal-midwife Sharon Micallef li ġiet tarani d-dar u għarfet l-istat li kont fih u ħasset il-weġgħa tiegħi li bdejt ngħidilha ‘qed inħossni qed immut’ u ċemplitli l-ambulanza kieku m’iniex hawn. L-istess kliem kont xbajt ngħidu lill-gynae tiegħi iżda baqa’ jinsisti biex ma mmurx l-isptar għax kulma kelli ‘infection fl-istonku’ u beda jgħidli ‘afdani ħa tħossok tajba’ u li ‘ħa naħli l-ħin immur l-isptar.'”

Yanica tkompli tgħid li mara li qatt ma rat qabel ironikament salvatliha ħajjitha. Mara li insistiet mal-gynae tagħha fuq il-mobile li mhux ħa tieħu l-ebda riskju u li hu ma seta’ qatt jifhem hi f’liem stat kienet la qatt ma mar jaraha. Hi tistqarr li minn hemm bdiet ġlieda kontra l-ħin minn tim straordinarju ta’ tobba f’Mater Dei, it-tim tal-ambulanza, tal-emergenza, gynae u radiologists.

Yanica tistqarr li r-riżultati wrew li t-tabib kien nesa garża ta’ qis 7.6×5.3×7 ċentimetru fl-imsaren tagħha. “B’riżultat li l-imsaren waqfu jaħdmu u bdew jivvalenawni minn ġewwa. Kelli nidħol għal operazzjoni biex ineħħuli l-garza fi ftit minuti ħabba r-riskju li kont fih. Dan wara ġurnata waħdi fl-emerġenza għax ir-raġel ma setax ikun miegħi ħabba r-restrizzionijiet tal-Covid.

Hi tgħaddi r-ringrazzjament lit-tim kollu ta’ nies li għena tul din il-ħolma kerha. Hi tkompli tistqarr, “Filli narmi s-saħħa u filli spiċċajt ma jien kapaċi nagħmel xejn waħdi, niddependi fuq kulħadd u kollni pajpijiet u mediċina. Spiċċajt mifruda minn żewġi, minn ibni u mill-familji tagħna. Spiċċajt inħoss il-biża’ tal-mewt u l-biza li qatt mhu ħa nħaddan lil ibni miegħi u nħallih bla omm.”

Hi tagħlaq b’ringrazzjament speċjali, “Grazzi Mulej u lill-Madonna ta’ Pinu talli żammejtuni taħt il-ħarsien tagħkom u qatt ma ħallejtuni waħdi. Grazzi lill-mijiet li batuli.” Yanica, nittamaw li tinsab aħjar ħa tkompli tgawdi l-ġojjel li premjakom bih il-Mulej.





Facebook / Alex Borg



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI