“Dan l-isbaħ rigal tal-Għid.” Hekk kiteb Fr Robin Camilleri, l-Arċipriet tal-Isla, wara li rċieva kartolina speċjali mingħand tifla fil-jum tal-Għid.
F’din il-kartolina mimlija sinċerità u mħabba, it-tifla rringrazzjatu tal-ħidma tiegħu mat-tfal tal-Isla, kif ukoll tal-impenn tiegħu biex imexxi lill-parroċċa fit-triq it-tajba wara Ġesù. Ġest sempliċi, iżda li fih tifsira kbira, li jfakkarna kemm il-ħidma pastorali tħalli impatt reali fil-ħajja tat-tfal u tal-komunità kollha.
Fl-Isla, bħalma jiġri f’ħafna parroċċi oħra madwar Malta, il-festa tal-Għid tiġi ċċelebrata wkoll bit-tberik tal-figolli, tradizzjoni li t-tfal jistennew b’ħerqa kbira kull sena. Dawn il-mumenti ma jkunux biss okkażjoni ta’ ferħ, iżda wkoll opportunità biex tinbena rabta aktar qawwija bejn il-Knisja u ż-żgħażagħ.
Din il-kartolina hija tfakkira sabiħa li anke l-iżgħar ġesti jistgħu jkollhom valur kbir, u li x-xogħol tal-qassisin fost it-tfal u ż-żgħażagħ mhux biss jidher, iżda wkoll jiġi apprezzat. Minn hawn ningħaqdu ma’ din it-tifla biex nirringrazzjaw lill-qassisin kollha li, b’dedikazzjoni u mħabba, jaħdmu fost it-tfal u ż-żgħażagħ Maltin.
Facebook / Robin Camilleri