L-Ispettaklu Li Żamm Lill-Maltin U Għawdxin Imwaħħlin Mal-Iskrin Ħa Jirritorna – Din Id-Darba Ikbar Minn Qatt Qabel!

Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija għamel ir-ritorn grandjuż tiegħu f’Marzu li għadda. Ritorn li ra 20 semifinalist jippromovu lilhom infushom u l-kanzunetti tagħhom fuq il-mezzi tax-xandir, fuq il-midja soċjali, fuq ir-radju u anke fuq diversi siti lokali.

L-ewwel edizzjoni kellha suċċess enormi, tant hu hekk li fl-ewwel sena tagħha, il-kompetizzjoni rat 149 sottomissjoni. Numru sabiħ għall-kompetizzjoni ta’ din ix-xorta. Iżda l-iktar ħaġa impressjonanti kien il-fatt li 320K telespettatur ra dan l-ispettaklu fuq medda ta’ tlett ijiem. Rekord mill-isbaħ.  Dan fisser li kull min ħa sehem, esebixxa l-kanzunetti oriġinali tiegħu fuq skala nazzjonali.





Il-kanzunetti kellhom rispons pożittiv mill-udjenza u anke mis-settur tad-divertiment, tant hu hekk li wħud minnhom daħlu fi klassifiċi varji, filwaqt li wħud mill-artisti ddeċidew li saħansitra jniedu l-filmat mużikali tal-kanzunetta li ppreżentaw f’Mużika Mużika. Il-kanzunetti ġew maħruġa wkoll fuq il-pjattaformi diġitali bħal spotify, Youtube, eċċ, sabiex dawn jibqgħu jitgawdew minn udjenzi f’pajjiżna u anke barra minn xtutna.

Din kienet pjattaforma, li l-kantanti, kompożituri, awturi u kull min tassew iħobb il-mużika Maltija kien ilu jitlob. Is-suċċess ta’ Mużika Mużika wera li n-nies kienu tassew imxennqa għal xi ħaġa bħal din. Qatt f’pajjiżna ma rajna l-mużika Maltija ċċelebrata bil-mod kif ġiet iċċelebrata waqt Mużika Mużika u dan żgur ta’ ħajr lil Festivals Malta u t-tim kbir ta’ nies li ħadmu għal dan il-festival.

Il-festival attira stili differenti ta’ mużika, artisti ġodda u saħansitra bands lokali. Dan ifisser li kulħadd jista’ japplika għalih, u ħadd m’għandu jiddejjaq jippreżenta xi ħaġa differenti. Id-diversità tiġi tassew iċċelebrata f’dan il-festival. Bogħod mir-rebħ, il-festival hu pjattaforma inkredibbli li tgħin artist javvanza fil-karriera mużikali tiegħu, fejn wieħed ikollu l-opportunità li jilħaq udjenzi li aktarx qatt ma kellu ċ-ċans li jilħaq qabel.

Il-premijiet ta’ din is-sena huma fantastiċi. Bħas-sena li għaddiet, kull semifinalist ħa jkun qed jingħata €500 sabiex iservu ta’ għajnuna fl-ispejjeż tal-festival – iva, sewwa qrajtu. Is-semifinalisti kollha ser jingħataw premju monetarju. Il-kanzunetta li tispiċċa fl-ewwel post ħa tirċievi s-somma mill-isbaħ ta’ €20,000dik tat-tieni post tieħu s-somma ta’ €10,000, filwaqt li l-kanzunetta li tispiċċa fit-tielet post tieħu €5,000. Apparti dawn il-premijiet jingħata wkoll t-trofew lill-kanzunetta bl-aħjar interpretazzjoni u trofew għall-aħjar kompożizzjoni.



Dak mhux kollox! Il-kanzunetta rebbieħa jkollha wkoll vidjo mużikali miġbud professjonalment. Wieħed jista’ jara l-filmat mill-aqwa li nġibed għall-kanzunetta rebbieħa tal-edizzjoni li għaddiet, filmat meħud one-shot li żgur ħalla impatt mill-aqwa u serva biex il-kanzunetta rebbieħa tibqa’ tingħata promozzjoni lil hinn mill-festival.

L-ispettaklu tal-aħħar edizzjoni kien wieħed mill-aqwa, iżda l-ispettaklu tas-sena li ġejja għandu jissupera dak li rajna din is-sena. Tant hu hekk, li l-preparamenti loġistiċi diġa bdew u t-tim ta’ Festivals Malta għaddej b’ħidma kontinwa sabiex jagħtu esperjenza isbaħ. Id-dinamika tal-palk għandha tkun waħda spettakolari u aħjar minn qabel. Min jaf x’għandna nistennew? Li hu żgur, hu li kull artist żgur ħa jkun jixtieq li jirfes fuqu.

Xi ħaġa ġdida u innovattiva għal din is-sena hi li t-telespettaturi ħa jkunu jistgħu jsegwi l-vjaġġ tal-parteċipanti ta’ Mużika Mużika permezz ta’ programm televiżiv li jibda fl-iskeda ta’ Ottubru. L-ewwel parti ta’ dan il-programm ħa tkun qed issegwi l-avventura ta’ sitt kantanti ġodda li ħa jkollhom iċ-ċans jaħdmu mill-viċin ma’ numru ta’ professjonisti, fejn jiġu mħarrġa fuq kant, preżenza, dehra u korjografija, fost oħrajn. Insomma dak kollu li artist ikollu bżonn biex fuq il-palk ikun, komdu, kunfidenti u jagħti l-aħjar prestazzjoni possibbli. Kantant minn dawn is-sitta ħa jkun qed jingħaqad mas-semifinalisti ta’ Mużika Mużika.

Fit-tieni sensiela ta’ dan il-programm, it-telespettaturi ħa jkollhom iċ-ċans li jsiru jafu lill-parteċipanti mill-qrib u anke xi jkun għaddej minn wara l-kwinti tal-festival, il-preparazzjonijiet u x’jirrikjedi biex itella’ produzzjoni ta’ dan il-livell. Il-ħidma, id-dettall u d-dedikazzjoni li wieħed jidħol fiha hija waħda inkredibbli iżda l-prodott finali żgur li jħalli r-riżultati mixtieqa.

Ritratt: Clodagh O’Neill

L-applikazzjonijiet għal Mużika Mużika huma miftuħa u jagħlqu fil-15 ta’ Ottubru. Applika fuq www.muzikamuzika.mt. Għal dawk li jixtiequ jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom bl-idejn jistgħu jagħmlu dan fl-uffiċini ta’ Festivals Malta bejn it-13 u l-15 ta’ Ottubru  bejn it-8:00 u l-16:00.

Għal aktar dettalji wieħed jista’ wkoll iżur il-paġna ta’ Facebook ta’ Festivals Malta billi jagħfas HAWN u l-paġna ta’ Mużika Mużika billi jagħfas HAWN.  

Elisa von Brockdorff – art & photography

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI