Ftit huma dawk li jafu li mill-Knisja tad-Dumnikani tal-Birgu f’nofs is-seklu tmintax kienet toħroġ purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira nhar Ħamis ix-Xirka.
Din kienet tiġi organizzata mill-Arċikonfraternita’ tas-SSm. Rużarju tad-Dumnikani tal-Birgu. L-istatwi kienu jirrapreżentaw il-misteri tar-Rużarju tat-Tbatija flimkien ma’ statwa tal-veronika, u tad-Duluri u Kristu mejjet.
Għal xi raġuni din il-purċissjoni ma’ baqgħetx toħroġ lejn nofs is-seklu dsatax. Xi wħud mill-vari kienu nżammew fl-oratorju tal-Arċikonfraternita’ imma sfortunatmanet intilfu fl-attakk mill-ajru fuq il-Knisja u -Kunvent tad-Dumnikani tal-Birgu fit-tieni gwerra Dinjija.

B’xorti tajba waħda mill-istatwi antiki ta’ Ġesu’ fl-Ort tal-Ġetsemani ġiet salvata minkejja li kienet tinsab fi stat ħażin ħafna. Nhar il-Ħadd 24 ta’ Marzu f’Jum Ħadd il-Palm saret l-inawgurazzjoni tal-proġett li sar fuq din l-istatwa mill-Provinċjal P. Vince Micallef OP u l-Pirjol tad-Dumnikani tal-Birgu P. Aaron Zahra OP.
Ix-xogħol sar minn Andrew Bugeja mill-Birgu. Din l-istatwa ta’ Kristu fl-Ort hija xogħol l-artist Pietru Pawl Azzopardi.
Aktarx li din kienet l-ewwel statwa li kien għamel u jideher li kien għamel biss il-wiċċ, l-idejn u saqajn mnaqqxa fl-injam u kien jiġi mlibbes bid-drapp. Snin wara ġie mlibbes bil-kartapesta, kif narawh illum.
Wieħed jista’ jammira din l-istatwa artistika matul din il-ġimgħa fil-Knisja Dumnikana tal-Lunzjata tal-Birgu.
