Hija aħbar li diffiċli għal pajjiż b’storja tant kbira fil-futbol, hekk kif it-tim Taljan naqas milli jikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja għat-tielet darba konsekuttiva. Dan ifisser li r-rebbieħa tat-tazza tad-dinja għal erba’ darbiet, mhux se jkunu l-protagonisti, fatt li ftit kienu jaħsbu li jista’ jsir realtà.
Din is-sitwazzjoni tkompli tħalli dell fuq wieħed mill-aktar timijiet prestiġjużi fl-istorja tal-logħba. L-Italja, li rebħet it-Tazza tad-Dinja fl-1934, 1938, 1982 u 2006, darba kienet sinonima ma’ konsistenza u suċċess. Illum, madankollu, qed taffaċċja kriżi li ilha tixtered għal snin sħaħ.
Il-falliment li jikkwalifikaw ma ġiex f’daqqa. Minn wara t-trijonf fl-2006, il-prestazzjonijiet tal-Italja kienu inkonsistenti. Filwaqt li kien hemm muenti ta’ tama, bħal meta rebħu l-Kampjonat Ewropew fl-2020 kontra l-Ingliżi, dawn ma kinux biżżejjed biex jikkumpensaw għall-problemi strutturali li qed jaffettwaw il-futbol Taljan.
Fost il-fatturi ewlenin hemm nuqqas ta’ żvilupp ta’ talent żagħżugħ, sistema domestika li qed titlef il-kompetittività tagħha meta mqabbla ma’ kampjonati oħra Ewropej, u nuqqas ta’ direzzjoni ċara fit-tmexxija tat-tim nazzjonali. Il-pressjoni fuq il-kowċ u l-federazzjoni qed tiżdied, hekk kif il-partitarji qed jitolbu bidliet konkreti u immedjati.
Ir-reazzjonijiet kienu qawwija, kemm minn partitarji kif ukoll minn eks-plejers. Ħafna qed jiddeskrivu din is-sitwazzjoni bħala “waħda mill-aktar perjodi diffiċli fl-istorja tal-futbol Taljan”. Oħrajn qed jargumentaw li dan għandu jkun punt ta’ bidla, opportunità biex isir riflessjoni serja u t-tim jinbena mill-ġdid b’viżjoni moderna.
Minkejja kollox, hemm ukoll min jemmen li l-Italja għandha r-riżorsi u l-passat biex terġa’ tqum. Il-futbol Taljan qatt ma kien nieqes mit-talent jew mill-passjoni, dak li hemm bżonn issa huwa pjan fit-tul u kuraġġ biex jittieħdu deċiżjonijiet diffiċli.
Għalissa, iżda, ir-realtà tibqa’ waħda iebsa, l-Italja se tkun nieqsa minn wieħed mill-akbar kampjonati tal-futbol dinji għal darb’oħra. U għal pajjiż li darba kien dominanti, dan hu sinjal ċar li wasal iż-żmien għall-bidla. Żgur li riżultat diżappuntanti għal bosta segwaċi Maltin li jissapportjaw lil dan it-tim.