L-Organizazzjoni Dinjija Tas-Saħħa Tikkonferma Li Hemm Evidenza Emerġenti Ta' Trasmissjoni Fl-Arja Tal-Coronavirus

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kkonfermat li hemm “evidenza emerġenti” ta’ trażmissjoni fl-arja tal-Coronavirus wara l-pubblikazzjoni ta’ ittra nhar it-Tnejn iffirmata minn 239 xjenzati li ħeġġew lill-aġenzija tikkonferma l-probabbiltà li n-nies jistgħu jaqbdu l-virus minn qtar li jżommu fl-arja. Dan ġie rrapurtat mis-CNN.

Dr Benedetta Alleganzi,li tmexxi t-tim tekniku għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Infezzjonijiet fi ħdan il-WHO, qalet li l-aġenzija ddiskutiet u kkollaborat ma’ ħafna mix-xjentisti li ffirmaw l-ittra.

Hi saħqet, “Aħna nirrikonoxxu li hemm evidenza emerġenti f’dan il-qasam, bħal fl-oqsma l-oħra kollha rigward il-virus Covid-19 u l-pandemija u għalhekk aħna nemmnu li rridu nkunu miftuħa għal din l-evidenza u nifhmu l-implikazzjonijiet tagħha rigward il-modi ta’ trasmissjoni u wkoll rigward il-prekawzjonijiet li hemm bżonn jittieħdu.”

L-epidemjologu tal-marda infettiva fi ħdan il-WHO, Maria Van Kerkove, qalet li ħafna mill-firem tal-ittra huma inġiniera, “li żżid l-għarfien dejjem jikber dwar l-importanza tal-ventilazzjoni, li aħna nħossu li hija importanti ħafna.”

Hi żżid tgħid li huma ġa ħarsu lejn diversi modi ta’ kif dan il-virus jista’ jinxtered fosthom minn omm għat-tarbija tagħha, bnedmin għall-annimali u bil-kontra u issa qed ikomplu jaraw studji oħra inkluż li jittieħed mill-arja. Qalet li l-aġenzija qed taħdem fuq sommarju xjentifiku li jiġbor fil-qosor l-għarfien attwali dwar it-trasmissjoni tal-virus fatali, li għandu jkun disponibbli fil-ġimgħat li ġejjin.

Hemm bżonn aktar stħarriġ iżda tisħaq punt importanti, “il-possibbiltà ta’ trażmissjoni fl-ajru f’ambjenti pubbliċi, speċjalment f’kundizzjonijiet speċifiċi iffullati, magħluqin, ventilati ħażin li ġew deskritti ma tistax tiġi eskluża. Madankollu, l-evidenza għadha qed tinġabar u tiġi interpretata.”







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI