Leġġendi Tal-Jazz F’Wirja Virtwali Li Tiċċelebra 30 Sena Tal-Malta Jazz Festival

Isem il-fotografu Joe Smith huwa sinonimu mal-Malta Jazz Festival, u mhux ta’ b’xejn. Ilu isegwi l-festival sa mill-bidu tiegħu lura fl-1990, vjaġġ li wasslu sabiex jirnexxilu jiffotografa wħud mill-akbar leġġendi f’dan il-qasam ta’ mużika.

Din is-sena, Joe jgħidilna, il-Malta Jazz Festival ser jieħu xejra kemxejn differenti. Il-miżuri relatati mal-Covid-19 fissru li l-kunċerti ser jiġu organizzati fuq skala ħafna iżgħar minn tas-soltu, u ser jimxu lil hinn mix-xatt Ta’ Liesse, post li llum il-ġurnata sar ikoniku fejn għandha x’taqsam il-mużika jazz.

Però, dan ma jfissirx li dawk kollha li jkunu qed jistennew ix-xahar ta’ Lulju b’ħerqa liema bħala ser joħorġu diżappuntati. Xejn minn dan, hekk kif – bħal ma sirna nistennew ta’ kull sajf – ħa jkun hemm numru sostanzjali ta’ kunċerti li ser isiru fi Pjazza Ħelsien, il-Belt Valletta.

Barra minn hekk, hemm sorpriża ħelwa oħra lesta għalina – kollezzjoni bellezza ta’ ritratti li juru wħud mill-aktar xeni memorabbli li seħħew tul is-snin fil-Malta Jazz Festival. Dil il-kollezzjoni ser tintwera f’forma virtwali taħt l-isem Notes from the Harbour.





Elvin Jones – MJF 1991 – Ritratt ta’ Patrick Fenech

U huwa propjament għalhekk li kellimna lil Joe, sabiex jispjegalna daqsxejn x’rabta għandu mal-Malta Jazz Festival, kif ukoll propjament ma’ din l-esebizzjoni. Joe jispjegalna li, kif jaf tajjeb kulħadd, l-involviment tiegħu fil-festival inniffsu jmur lura diversi snin.

“Il-jazz bħala espressjoni mużikali dejjem għoġobni u nisimgħu ħafna bħala mod ta’ rilassament. Fil-jazz nara ħafna xebh ma’ forom oħra ta’ arti, u l-fotografija waħda minnhom. L-improvizzazzjoni fil-jazz, speċjalment meta tkun live, tagħti lok biex fotografu jiskopri emozzjonijiet u espressjonijiet li, flimkien mad-dawl u l-ispazji mudlama fuq il-palk, joffru opportunitajiet għal kompożizzjonijiet dinamiċi li jwasslu l-messaġġ ta’ dak li jkun qed iseħħ,” jgħidilna Joe.

Huwa jżid li sa mill-1991 ma tilifx edizzjoni waħda u kellu ukoll diversi wirjiet ta’ fotografija kemm lokali u kif ukoll barra minn xtutna. Ma hi sorpriża għal ħadd li xi ritratti saħansitra rebħu premji internazzjonali. Joe kien ukoll kontributur ewlieni fil-ktieb Portraits in Jazz, li kien ġie ippublikat mill-Malta Arts Council fl-2010 biex jiġu ċċelebrati l-20 sena tal-Malta Jazz Festival.

Insomma, fejn tidħol il-passjoni għal dak kollu li għandu x’jaqsam mal-jazz, lil Joe diffiċli tirbaħlu. Allura ma nistgħux ma nistaqsux: x’jidirlu Joe mis-sitwazzjoni li ninstabu fiha bħalissa?

“Sfortunatament, iċ-ċirkostanzi ta’ din is-sena ħarbtu il-pjanijiet kollha, iżda Festivals Malta flimkien mad-direttur artistiku tal-festival Sandro Zerafa rnexxielhom iżommu ħaj dan l-avveniment billi jneduh f’forma ridotta. Minkejja dan, xorta se nkunu xxurtjati li se naraw artisti ta’ kalibru u nisimgħu mużika tajba. Dawn iż-żewġ ingredjenti huma biżżejjed biex wieħed jidħol fl-atmosfera. Jien, personalment, xorta hemm ser issibuni, bl-emozzjonijiet u l-isfidi krejjativi li jipprovdi avveniment bħal dan,” itenni Joe.



Ritatt: Joe Smith flimkien ma’ Mccoy Tyner (Malta Jazz Festival 1996)

M’għandniex xi ngħidu, kull edizzjoni tal-festival iġġib magħha memorji uniċi. Nitolbu lil Joe ikellimna dwar l-aktar mumenti u ritratti li huma għal qalbu, kif ukoll l-aktar mużiċisti li ħa gost jiffotografa.

“Kien hemm ħafna mumenti partikolari, speċjalment fl-ewwel sena meta ġew fostna ġganti internazzjonali bħal Chick Corea, Michel Petrucciani u Elvin Jones, fost l-oħrajn. Matul is-snin kelli x-xorti li nara u nimmortaliżża artisti oħra ta’ fama mondjali u d-dar għandi kollezzjoni mdaqqsa ta’ ritratti ffirmati minn artisti li ġew Malta aktar minn darba.”

M’għandniex xi ngħidu, ir-ritratti ta’ Joe dejjem jintgħoġbu ferm, u l-fotografu jiżvelalna li kien hemm xi wħud minnhom li talbuh ukoll kopji għalihom personali, kif ukoll biex jużawhom fuq recordings jew websites tagħhom.

“Is-sena 2019 kienet speċjali u emozzjonanti ħafna għalija, għax iffotografajt lit-tifel tiegħi William idoqq mat-trio tiegħu fuq il-palk ewlieni. William huwa drummer u qed jistudja l-jazz ġewwa l-Olanda,” jisħaq Joe.

U hekk naslu għall-wirja virtwali ta’ din is-sena, Notes From the Harbour, esebizzjoni li ser titfa’ dawl fuq dawn il-mumenti inkredibbli. Hekk kif il-festival qed jiċċelebra għeluq it-30 sena, Festivals Malta ħarġu bl-idea li jniedu wirja fotografika virtwali b’aspett storiku. Din il-wirja ser tinkludi ritratti ta’ mużiċisti, pitturi li saru live waqt il-festival, kif ukoll memorbilja oħra bħal t-shirts, programmi uffiċjali, ritratti meħudin backstage u postijiet oħra.

Joe jgħidilna li ntagħżel l-isem Notes from the Harbour għax, kif jaf kulħadd, il-post fejn soltu isir il-festival huwa uniku, b’veduti imprezzabbli tal-Port il-Kbir u atmosfera li ddaħlek fl-ispirtu tal-jazz. Se ssir ukoll esebizzjoni żgħira ġewwa l-lobby tal-Hotel Phoenicia li tkun miftuħa għall-pubbliku mit-13 sat-18 ta’ Lulju.

Michel Petrucciani  MJF 1991 – Ritratt ta’ Patrick Fenech

“Kien deċiż li jintgħażlu bejn 4 u 5 ritratti minn kull sena u allura l-esebizzjoni aħħarija se jkun fiha madwar 150 biċċa li jinkludu wkoll xi pitturi u memorabilja oħra,” Joe jgħidilna.

“Il-fotografi li se jipparteċipaw huma Therese Debono, Patrick Fenech, Pierre Stafrace, Darrin Zammit Lupi u Joe Smith. Dawn intagħżlu fuq kriterji differenti. Hemm fotografi li kienu hemm mill-bidu, u oħrajn li kienu hemm għal xi edizzjonijiet u wrew li għandhom affinità għal din it-tip ta’ fotografija. Hemm ukoll oħrajn li kellhom ritratti verament uniċi. Il-pitturi esebiti huma tal-artisti Jeni Caruana u l-mibkija Olaug Vethal, li x-xogħlijiet tagħhom saru live waqt diversi edizzjonijiet tal-festival.”

Joe jgħidilna li jsibha diffiċli jagħżel xi biċċiet favoriti, għax hemm wisq. Iżda jekk ikollu jagħżel biċċa xogħol minn tiegħu stess, x’aktarx li jinkludi ir-ritratti ta’ artisti leġġendarji li m’għadhomx magħna, bħal McCoy Tyner, Joe Henderson, Paul Motian u Lee Konitz.

Il-Malta Jazz Festival iseħħ bejn it-13 u t-18 ta’ Lulju, filwaqt li l-wirja virtwali Notes from the Harbour ser tkun aċċessibli online mit-13 ta’ Lulju sal-31 t’Awwissu. Għal aktar informazzjoni żuru l-paġna Malta Jazz Festival fuq Facebook billi tidħlu HAWN, jew is-sit uffiċjali ta’ Festivals Malta billi tidħlu HAWN.

Dan huwa artiklu minn Festivals Malta b’riċerka u kontribuzzjoni ta’ Ramona Depares.

Ritratt ta’ Tarunima Sen Chandra – Joe Smith

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI