Leyton Taylor – Tifel Ta’ 13-Il Sena Li Għamel Suwiċidju Wara Li Kien Qed Jiġi Bbuljat Minħabba S-Sesswalità Tiegħu

Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tiegħu, Dr Nicholas Briffa tkellem dwar storja traġika fejn fl-2026 ma tistenniex li għandek tisma’ biha.

Hu qal ,”Ftit tal-jiem ilu fuq il-midja ingliża ġie rrapportat li Leyton Taylor, tifel ta’ 13-il sena għamel suwiċidju wara li kien qed jiġi bbuljat l-iskola minħabba s-sesswalità tiegħu. Mhux għax kien dgħajjef, imma għax l-ambjent ta’ madwaru sar tqil wisq biex jgħix fih. Meta ċ-ċajt isir umiljazzjoni kontinwa, ma jibqax “sempliċi kliem”. Jibda jinfluenza kif tifel jara lilu nnifsu, kif iħares lejh innifsu u x’valur jagħti lilu nnifsu.”

Żied, “Huwa għalhekk li l-edukazzjoni sesswali u diskussjonijiet dwar id-diversità umana huma importanti. Mhux biex nimponu xi aġenda, imma biex ngħallmu r-rispett, il-fehim u l-umanità bażika. U għalhekk ukoll il-bullying ma jistax jitqies bħala xi ħaġa żgħira. Għandna nindirizzawh b’limiti ċari u tolleranza żero… mhux biss fuq il-kliem imma fil-prattika. U dan japplika għall-familji, skejjel, NGOs eċċ. Għax it-trawma li joħloq il-bullying tista’ tibqa’ tikkundizzjona lill-persuna fit-tul.”

Qal ukoll, “L-ebda tifel m’għandu jħoss li biex ikun hu, mingħajr maskri, irid iħallas b’ħajtu. Allura rridu nistaqsu lilna nfusna b’mod onest: Qed noħolqu ambjenti fid-dar u fl-iskejjel fejn id-differenzi ta’ bejnietna jiġu mifhuma u rispettati? Qed inħallu kummenti vojta u ċajt għaddejjin qisu xejn m’hu xejn? (Kummenti li jagħmel lit-tfal iħossuhom mhux siguri) Meta jseħħ il-bullying, verament nidħlu b’ruħna u b’ġisimna u nieħduh bis-serjetà, jew niddeskrivuh bħala “ċajt” jew “sensittività żejda” sakemm ikun tard wisq? U kieku dan kien it-tifel tagħna x’konna nagħmlu? Konna nistennew li s-sistemi jagħmlu aħjar għalih? Strieħ fis-sliem Leyton.”







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI