Il-disinjatur u stilista lokali Gaetano ħabbar bidla importanti fil-karriera tiegħu, hekk kif minn Ġunju li ġej se jieqaf joffri servizzi ta’ ħjata, deċiżjoni li, kif qal hu stess, ma kinitx waħda faċli.
F’post personali u emozzjonanti fuq il-midja soċjali, Gaetano spjega kif il-moda kienet id-dinja tiegħu għal bosta snin, iżda maż-żmien induna li ma baqgħetx issostnih fuq livell emozzjonali u spiritwali kif kienet tagħmel qabel. Minn meta beda jaħdem fil-qasam fl-2012 sal-lum, kellu l-unur jaħdem ma’ numru kbir ta’ persuni u personalitajiet, esperjenza li għal żmien twil kienet tagħtih sodisfazzjon kbir.
Madankollu, dak li darba kien isors ta’ ferħ, bil-mod il-mod beda jħalli impatt fuq is-saħħa mentali tiegħu. Gaetano stqarr li dan l-għarfien wasslu biex jitgħallem lezzjoni importanti, li tisma’ l-leħen ta’ ġewwa tiegħek mhux sinjal ta’ dgħufija, imma ħtieġa.
Issa, kif qal hu stess, wasal iż-żmien biex jibda kapitlu ġdid, triq differenti li dejjem kienet hemm, tistenna bil-paċenzja tagħha, anke meta l-moda kienet fiċ-ċentru ta’ kollox. Għalkemm qed jagħlaq bieb importanti f’ħajtu professjonali, Gaetano għamilha ċara li dan mhux tmiem, iżda trasformazzjoni.
Fl-aħħar tal-messaġġ tiegħu, huwa rringrazzja lil kull min appoġġjah, fdah u emmen fix-xogħol tiegħu matul is-snin, u ħalla messaġġ ta’ tama u tkabbir personali. Bidla li ħafna jistgħu jirrelataw magħha, dik li tagħżel lilek innifsek u l-ġid tiegħek, anke jekk tfisser li tħalli warajk dak li darba kien id-dinja kollha tiegħek.
Facebook / Gaetano Gaetano