Tintlaħaq konklużjoni rigward bajjiet li jilqgħu lill-klieb fihom madwar Malta u Għawdex. L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali wettaq eżerċizzju estensiv biex jagħti ftit għarfien dwar il-kwistjoni ta’ bajjiet li jilqgħu lill-klieb f’Malta u Għawdex, għax mhux biss hemm nuqqas qawwi ta’ bajjiet bħal dawn iżda informazzjoni dwar dawk eżistenti hija inkwetanti.
Għadhom għaddejjin diskussjonijiet mal-entitajiet u l-awtoritajiet differenti involuti biex jiżdied in-numru ta’ bajjiet li jilqgħu lill-klieb fihom. Il-konklużjoni ta’ din l-investigazzjoni hija li filwaqt li s-saħħa għandha dejjem tiġi l-ewwel, bla dubju, Malta, u b’mod speċjali Għawdex, għandhom bżonn aktar bajjiet għall-klieb. Jekk tassew nistennew li n-nies li jgħixu fil-Gżejjer Maltin jittrattaw il-klieb tagħhom bħala membri tal-familja, ma jistax jibqa’ daqshekk diffiċli li tieħu kelb jgħum mal-bqija tal-familja.