Il-maltemp qawwi li laqat lil diversi lokalitajiet fin-Nofsinhar ta’ Malta ħalla warajh xeni ta’ ħsara u tħassib, b’ħaddiema, familji u sidien tan-negozji f’Wied il-Għajn, Marsaxlokk u Birżebbuġa jaffaċċjaw realtajiet diffiċli wara ġranet imqanqla mit-temp.
F’dawn l-aħħar sigħat, il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba żar dawn il-komunitajiet sabiex jiltaqa’ personalment ma’ dawk li ġew milquta direttament mill-ħsarat, jisma’ l-istejjer tagħhom u jara mill-qrib is-sitwazzjoni li qed jgħixu fiha.
F’messaġġ li qasam wara ż-żjarat tiegħu, Agius Saliba spjega kif iltaqa’ ma’ diversi ħaddiema, familji u negozjanti li sofrew danni kbar minħabba l-maltemp u sostna li dawn in-nies m’għandhomx jitħallew jerfgħu dan il-piż waħedhom. “Bħal dejjem wegħedthom li sew fuq bażi lokali u anke Ewropea, se jsibuna spalla ma’ spalla magħhom f’dawn iż-żminijiet diffiċli,” filwaqt li enfasizza dwar l-importanza tas-solidarjetà u tal-appoġġ konkret f’mumenti bħal dawn.
Il-MEP wiegħed li mhux se jkunu waħedhom f’dan il-vjaġġ ta’ rkupru. Il-messaġġ tiegħu juri impenn fuq ħidma kontinwa sabiex il-vuċi ta’ dawk milquta tinstema’ wkoll fuq livell Ewropew u biex jiġu jingħataw mezzi ta’ għajnuna fejn tassew meħtieġ.
Facebook/ Alex Agius Saliba