“Mal-Kok Ġejna, Fil-Karnival Żaqqna Mlejna” – L-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Tal-Ħamrun Ser Tieħu Sehem Fil-Parata Tal-Baned

Il-Karnival fil-Ħamrun din is-sena se jingħata togħma partikolari hekk kif Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni se tinżel fit-toroq bil-karru tematiku tagħha “Mal-Kok Ġejna, Fil-Karnival Żaqqna Mlejna”, bħala parti mill-Parata tal-Baned li se ssir nhar il-Ħadd 8 ta’ Frar.



Dan il-karru, li qed jinbena kompletament mill-membri tal-għaqda mużikali stess, jiġbor fih taħlita ta’ kreattività, umoriżmu u riferimenti ċari għall-kultura Maltija. It-tema tal-kokijiet se tieħu l-ħajja permezz ta’ elementi viżivi li jolqtu mill-ewwel, fosthom qarnita kok li tidher qed issajjar fuq fuklar – simbolu li jirrifletti t-tradizzjoni u l-identità lokali.



Il-ħsieb u d-disinn wara dan il-proġett huma tal-Segretarju Ġenerali tal-għaqda, is-Sur Josef Spiteri, li spjega kif wara li tintgħażel it-tema, jibda l-proċess kreattiv mid-disinn sal-bini tal-karru. Dan kollu jsir gradwalment, u bl-użu ta’ materjal irriċiklat, fatt li jżid dimensjoni sostenibbli ma’ din l-inizjattiva karnivaleska.



Il-parata se tibda fl-10:00 minn Triq il-Kbira San Ġużepp u tinżel tul it-triq kollha sal-Pjazza San Pawl, fejn il-banda se takkumpanja l-karru b’marċi karnivaleski u bandisti lebsin kostumi marbuta mat-tema.

L-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni qed tistieden lill-pubbliku kollu, speċjalment lill-familji u lit-tfal, biex jingħaqdu magħha u jgawdu minn din l-esperjenza mimlija mużika, kulur u atmosfera karnivaleska.

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Hamrun – A.D. 1979 jew il-website uffiċjali.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI