Wara li ħareġ espressjoni ta’ interess għall-provvista ta’ 500 tunnellata ta’ patata biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-ikel fin-Namibja, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Affarijiet Ewropej irċieva tliet offerti għal total ta’ 468 tunnellata ta’ patata.
Il-Ministeru xtara l-lott kollu għall-prezz ta’ €187,200, li minnhom €140,400 jew 75% tal-fondi allokati se jmorru direttament lill-bdiewa lokali li pprovdew il-ħsad lill-esportaturi.
Il-patata se jitlaq il-Port Ħieles ta’ Malta it-Tnejn li ġej u huwa mistenni li jasal in-Namibja matul l-aħħar ġimgħa ta ’Awwissu. Dan l-att ta’solidarjetà man-Namibja, li għadda minn nixfa kbira aggravata mit-tixrid ta’ COVID-19, huwa mistenni li jgħin madwar nofs miljun persuna.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Affarijiet Ewropej Evarist Bartolo sostna li din l-inizjattiva ta’ benefiċċju reċiproku hija biss il-bidu ta’ relazzjoni msaħħa bejn Malta u n-Namibja li twassal għal oqsma oħra ta’ kooperazzjoni u kummerċ potenzjali.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo sostna li filwaqt li din l-inizjattiva hija waħda ta’ solidarjetà, se tiftaħ opportunitajiet ġodda biex tistabbilixxi niċċa ġdida għall-prodotti agrikoli lokali u tkun ta’ benefiċċju fit-tul għall-bdiewa lokali.
Facebook/Affarijiet Barranin