Evarist Bartolo xeħet dawl storiku u xjentifiku fuq il-maltempati qawwija li laqtu lill-gżejjer Maltin u r-reġjun tal-Mediterran matul is-sekli, u wissa li dawn il-fenomeni naturali qed isiru aktar frekwenti u perikolużi minħabba t-tibdil fil-klima.
Skont Bartolo, fl-aħħar 500 sena, Malta ntlaqtet minn tal-inqas 11-il maltempata qawwija li nafu bihom, filwaqt li fil-pajjiżi ġirien tal-Mediterran kien hemm tmien maltempati oħra li lilna ma messewniex direttament. Fost l-aktar traġedji antiki jissemmew uragan u tromba li laqtu l-Port il-Kbir bejn l-1551 u l-1556, li għarrqu diversi xwieni tal-Kavalieri u qatlu mill-inqas 600 ruħ, minbarra l-ħsarat estensivi fil-bini.
Bartolo fakkar ukoll li l-aktar maltempata vjolenti fil-Mediterran fl-istorja reċenti kienet dik imsejħa “Danjel”, li fl-2023 ħalliet 4,540 vittma fil-Libja. Huwa poġġa dawn l-avvenimenti f’kuntest globali, billi spjega li l-agħar maltempati u urugani fid-dinja jseħħu madwar il-Bajja tal-Bengal u fil-Paċifiku tal-Punent. Fosthom, iċ-ċiklun Bhola fl-1970 li qatel bejn 300,000 u 500,000 ruħ fil-Bangladexx, u ċ-ċiklun Nargis fl-2008 li ħalla 138,000 mejta f’Myanmar.
Skont Bartolo, l-agħar maltempati fil-Mediterran iseħħu bejn Settembru u Jannar, b’xita qawwija u riħ vjolenti, u spiss jiġu deskritti bħala Medigani – urugani tal-Mediterran. Dawn jiffurmaw minħabba l-kuntrast bejn l-arja kiesħa u l-wiċċ sħun tal-baħar. “Minħabba li s-sħana fil-klima qed tiżdied, dawn il-maltempati qed isiru u se jsiru aktar spissi u aktar perikolużi,” wissa.
Huwa fakkar f’numru ta’ każijiet storiċi li laqtu jew affettwaw lill-gżejjer Maltin u r-reġjun: maltempati qawwija fl-1742 u fl-1848, oħra fid-29 ta’ Novembru 1757 li kkawżat ħsarat kbar lis-sajjieda, u d-dilluvju ta’ sitt sigħat f’Awwissu tal-1964 li ħalla ħsarat kbar f’Għawdex, speċjalment f’Marsalforn u fix-Xlendi.
Fis-snin ta’ wara, il-Mediterran ra wkoll traġedji kbar, fosthom ċiklun f’Settembru tal-1969 li ħalla 600 mejta fit-Tuneżija u fl-Alġerija u 250,000 bla dar, kif ukoll maltempata forza 11 f’Jannar 1978 li qalgħet siġar u għamlet ħsarat fil-bini f’Malta.
Bartolo fakkar ukoll f’għadd ta’ maltempati aktar reċenti li ħallew impatt qawwi fuq il-pajjiż: l-għargħar tal-25 ta’ Ottubru 1979 li ħalla erba’ mejta u eluf ta’ annimali mejta fl-irziezet, il-maltempata tal-11 ta’ Ottubru ftit snin wara li fiha mietu erba’ persuni bis-soqfa jaqgħu fuqhom, u ċ-ċiklun tal-2001 li fl-Alġerija qatel 600 ruħ u ħalla 50,000 bla dar.
Fost l-avvenimenti aktar memorabbli hemm il-maltempata feroċi tal-15 ta’ Settembru 2003, il-każ straordinarju tat-25 ta’ Ottubru 2010 meta x-xita ġarret twiebet minn maħżen f’Ħal Qormi, u l-Medigan Qendresa fl-2014 li ħalla €214 miljun f’danni fi Sqallija. Huwa semma wkoll il-baħar qawwi li kisser it-tieqa tad-Dwejra fl-2017 u x-“xita” ta’ ħut tax-Xemxija fl-2019.
Fl-aħħar nett, Bartolo rrefera għall-maltempata qawwija tal-ġimgħa li għaddiet, forza 10, li kkawżat ħsarat estensivi f’Malta u f’diversi pajjiżi Mediterranji oħra, b’mewġ li f’xi nħawi qabeż iż-żewġ sulari.
Il-messaġġ tiegħu kien ċar: dawn l-avvenimenti mhumiex episodji iżolati, iżda parti minn mudell dejjem aktar allarmanti. Bartolo, temm b’appell biex nifhmu aħjar ir-riskji u nippreparaw ruħna għal futur fejn il-maltempati qawwija jistgħu jsiru realtà aktar frekwenti.
Facebook / Evarist Bartolo