Jumejn ilu ħarġet l-aħbar ta’ niket li ħalla din id-dinja Matthew Wismayer, li fl-aħħar 3 snin ta’ ħajtu ġġieled b’kuraġġ ta’ sur kontra l-marda tal-kanċer.
Matul ħajtu, Matthew serva bħala d-direttur ta’ diversi kumpaniji stabbiliti lokalment. Minkejja dak li kien għaddej minnu, xorta kien jaħseb f’ħaddieħor, ried jgħin akkost ta’ kollox lit-tfal ġewwa l-Afrika. Hu ħoloq il-fondazzjoni Schools for Africa Malta Foundation.
Il-fondazzjoni qasmet messaġġ biex issellem il-memorja ta’ Matthew, kif ukoll semmiet il-missjoni li kellu quddiemu biex jgħin lit-tfal fl-Afrika.
“Matthew emmen b’passjoni li kull tifel u tifla jistħoqqilhom aċċess għall-edukazzjoni, id-dinjità, u t-tama. Bħala Ko-Fundatur tal-Fondazzjoni Maltija Schools for Africa Malta Foundation, huwa ħadem bla heda biex jappoġġja l-komunitajiet, jagħti s-setgħa liż-żgħażagħ, u jibni mogħdijiet għal futur aħjar. Anke fl-aktar mumenti diffiċli tiegħu, l-attenzjoni tiegħu baqgħet fuq ħaddieħor u fuq kif jista’ jsir aktar biex jgħin.”
Biex nonoraw il-ħajja u l-memorja ta’ Matthew, ilkoll mistednin inkomplu l-missjoni u l-ħolma li tant emmen fiha, u nagħtu donazzjonijiet lil SFAM permezz tal-ħolqa HAWN
Facebook/ Schools for Africa Malta Foundation