Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, St.Julian’s Malta qasmu mas-segwaċi tagħhom ftit informazzjoni interessanti rigward il-palazz Spinola
Qalu, “Il-Palazz Spinola nbena fl-1688 għal Fra Paolo Raffaele Spinola, kavallier Taljan tal-Ordni ta’ San Ġwann, bħala residenza ta’ mistrieħ. Fl-1733 ġie mkabbar biex jissodisfa l-ħtiġijiet tan-neputi tiegħu, il-Bailiff Fra Giovanni Battista Spinola. Illum il-palazz huwa proprjetà tal-Gvern Malti. Il-Palazz Spinola, jew Villa Spinola kif xi kultant jissejjaħ, huwa wieħed mill-aktar bini storiku u impressjonanti f’San Ġiljan. Madwar nofs seklu wara li ġie mkabbar, il-ġonna tiegħu nfetħu biex jitgawdew mill-pubbliku. Aktar tard il-proprjetà ġiet akkwistata mill-Knisja u nbidlet f’sptar militari, li mbagħad ingħata b’kiri lill-forzi militari Brittaniċi bejn l-1860 u l-1922. Il-kera kienet tammonta għal £20 fis-sena, li meta jitqies l-inflazzjoni tal-lum tkun ekwivalenti għal madwar £2,000 jew €2,260 fis-sena.”
Żiedu, “Matul iż-żmien li kien mikri lill-militar, il-Palazz Spinola kien uffiċjalment magħruf bħala Forrest Hospital u xi drabi kien jissejjaħ ukoll Forrest House, bħala ġieħ lill-ispettur tal-isptar ta’ dak iż-żmien, Dr John Forrest. Għalkemm rapport wara l-pandemija tal-kolera fl-1865 indika li l-isptar ma kienx adattat għall-iskop tiegħu, speċjalment minħabba problemi strutturali u tas-sistemi tad-drenaġġ, l-isptar ta’ 42 sodda baqa’ jopera anke wara l-Ewwel Gwerra Dinjija u għen fir-riabilitazzjoni ta’ ħafna suldati midruba.”
Komplew, “Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-bini serva bħala kenn għal nies li tilfu djarhom waqt il-bombardamenti, u wara baqa’ fi stat ta’ telqa sakemm ġie rrestawrat fis-snin tmenin u nfetaħ bħala mużew tal-arti għal perjodu qasir. Reġa’ ġie rrestawrat bejn l-2006 u l-2007, u dan il-palazz maestuż serva wkoll bħala s-sede tal-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran.”