Medit Blu – Il-Proġett Li Jiċċelebra U Jxandar Il-Ġmiel Tal-Mużika Mediterranja

Erba’ talenti eċċezzjonali, ingħaqdu flimkien biex twieled Medit Blu, grupp mużikali ġdid u promettenti li għandu l-għan li jiċċelebra u jxandar il-ġmiel tal-mużika Mediterranja. Dan huwa proġett li jgħaqqad passjoni, professjonalità u sfumaturi artistiċi differenti, u joħloq taħlita mużikali unika u affaxxinanti.

Il-grupp huwa ffurmat minn erba’ artisti ta’ livell għoli: Clara, Federica, Alessia u Nicole. Żewġ kantanti Maltin u tnejn Taljani. Clara Calleja, kompożitriċi, mużiċista u kantanta Maltija, li bil-kreattività tagħha hija l-qalb ta’ dan il-proġett. Magħha tingħaqad Federica Falzon, mezzosoprano magħrufa li rrappreżentat lil pajjiżna fil-Junior Eurovision Song Contest u għar-rebħa tagħha fil-programm televiżiv Taljan Ti lascio una canzone. Il-vuċi qawwija u versatili tagħha żżid dimensjoni lirika u profonda mal-grupp.

Mal-kantanti Maltin jingħaqdu, Alessia Passera, kantanta mil-Lombardija, li għandha karriera mimlija rebħiet f’kompetizzjonijiet u festivals differenti. L-esperjenza u t-talent tagħha jagħtu l-kwartett esperjenzi vasta. Ir-raba’ kantanta hi Nicole Frazzini, kantanta minn Ruma, ukoll rebbieħa ta’ diversi festivals u konkorsi, li ġġib l-enerġija u l-passjoni tagħha mill-passjoni li għandha lejn il-mużika.





Il-grupp riċentament għamel id-debutt uffiċjali tiegħu bħala mistieden f’xandira nazzjonali fuq Radju Malta, fil-programm popolari ta’ Martin Sapiano, Fit-Triq Tiegħek. Dan kien mument sinifikanti li ta lill-pubbliku l-opportunità jiskopri s-sinergija u l-entużjażmu li jgħaqqadhom.

Barra minn hekk, dalwaqt ser tasal aħbar mingħand il-grupp. Fis-sigħat li ġejjin ser ikun disponibbli fuq il-pjattaformi diġitali kollha kanzunetta ta’ Clara Calleja, bl-isem BLUEBIRDS. Kanzunetta speċjali li għalihom hija ħadet ħsieb kemm il-mużika kif ukoll il-kliem, u li nħolqot bil-kollaborazzjoni mal-SpineSplitter Studio ta’ David Di Pascale u l-kompożitur Wayne Grima. Il-ħruġ ta’ BLUEBIRDS jissimbolizza l-bidu ta’ vjaġġ artistiku li jidher li se jkun mimli emozzjonijiet u suċċessi.

Medit Blu mhuwiex biss grupp mużikali; iżda huwa pont kulturali li jgħaqqad lil Malta u l-Italja permezz tal-qawwa universali tal-mużika. Aħna kollha bil-ħerqa nistennew x’se jkun il-pass li jmiss ta’ dawn l-artisti talentużi. Din l-inizjattiva, imnissla bil-kollaborazzjoni ta’ Marilanda Majello, professjonista magħrufa fil-qasam tal-immaniġġjar.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI