Matul din l-aħħar sena f’MasterChef Malta rajna lix-Chef Pawlu Borg Bonaci jsir parti mill-ġurija. Deher ċar li l-udjenza Maltija laqgħet b’mod pożittiv ħafna l-karattru komiku tiegħu.
Madankollu Pawlu Borg Bonaci m’huwiex wiċċ ġdid għat-televixin Malti. Fil-fatt sa ftit snin ilu kien wieħed mill-imħuh ewlenin wara l-komiċità f’pajjiżna.
Hekk kif qed nagħtu bidu għal sena ġdida, it-tim ta’ Gwida.mt avviċina lil Pawlu Borg Bonaci fejn permezz ta’ sensiela ta’ domandi skoprejna aktar dwar il-karriera mżewqa tiegħu.
1. Ħafna jafuk bħala l-moħħ wara l-karattru ta’ Jonny il-Kajboj. X’taħseb li kien is-sigret wara s-suċċess ta’ dan il-karattru?
L-idea wara l-karattru ta’ Jonny il-Kajboj kien li noħolqu karattru ta’ cowboy Malti. Naħseb li l-karattru nbena fil-ħin u l-post addattat u għalhekk għamel daqstant suċċess. F’dawk iż-żminijiet kien għadna qed nibnu s-satira Maltija. In-nies kienu jħobbu l-karattru minnu nnifsu – mill-mod ta’ kif kien jiġi ippreżentat għall-mod ta’ kif kien imsawwar il-karattru.
Parti mis-suċċess ta’ dan il-karattru kien ukoll li n-nies setgħu jirrelataw miegħu għaliex huwa karattru li n-nies jagħrfuh u jiltaqgħu miegħu kuljum b’xi mod jew ieħor. Niltaqgħu ma’ ħafna kajboys bħalu ta’ kuljum – nies li mingħalihom jistgħu jagħmlu li jridu.
Apparti li l-karattru kien minnu nnifsu tad-daħk, in-nies saru jħobbuh ukoll għaliex kien ħamallu imma ma kienx vulgari sa barra. Kien karattru li ħadt pjaċir ħafna nagħmel!
2. X’kien dak li wasslek sabiex tibda t-traġitt tiegħek fix-xena tal-ispettaklu?
It-traġitt tiegħi fix-xena tal-ispettaklu beda meta kont żgħir u kont fl-iskola ta’ Santu Wistin u fl-1989 kien jgħallimni Peppi Azzopardi. Darba, Peppi Azzopardi, Vince Fabri u Joe Saliba li kienu l-produtturi u l-kittieba ta’ Aħn’Aħna Jew M’Aħniex, kienu għamlu audition l-iskola għal reċta tal-Prize Day li kien jisimha wkoll proprju Aħn’Aħna Jew M’Aħniex. Intgħażilt u għalhekk fl-1989 tlajt għall-ewwel darba fuq l-istejġ. Dak iż-żmien kont diġà ndoqq il-pjanu u l-kitarra wkoll. ‘Il quddiem f’ħajti tgħallimt ngħaqqad il-passjonijiet tiegħi flimkien.
Jiena qatt m’għamilt xejn jekk mhux għax qed nieħu pjaċir nagħmilha u nħobbha. Minħabba f’hekk ġieli rrifjutajt ċerti opportunitajiet ukoll.
3. Bħalissa ġimgħa wara l-oħra qed narawk fuq MasterChef Malta. Bħala ġurija, kien hemm okkażjonijiet fejn forsi ma qbiltux dwar jekk parteċipant għandux jipprogressa għall-fażi li jmiss jew le?
Ovvjament, is-sistema tal-ġurija ta’ MasterChef Malta, bil-fatt li hemm tlieta, hija proprju magħmula sabiex tinstiga n-nuqqas ta’ qbil. Filwaqt li fil-bidu jkun hemm numru ta’ kontestanti li huwa ovvju li l-platt tagħhom u xogħolhom għal xi raġuni jew oħra m’huwiex tajjeb u allura lkoll naqblu, jasal żmien fejn imbagħad ikun diffiċli għaliex inkunu vera qed infittxu x-xagħra fl-għaġina.
Ikun hemm sitwazzjonijiet fejn żewġ parteċipanti jkunu fuq l-istess livell u allura trid tassessja abbażi ta’ kriterji oħrajn fosthom x’ikunu għamlu qabel fil-kompetizzjoni. Minkejja li rridu niżguraw programm divertenti għall-udjenza, billi dan huwa programm tat-tisjir, it-teknika trid tibqa’ hemm.
Imma iva, jkollok okkażjonijiet fejn ġieli ma naqblux mal-ewwel imma mbagħad nirraġunaw u nassessjaw, nidħlu fil-fond, u fl-aħħar mill-aħħar nikkunsidraw li din hija kompetizzjoni fejn xi ħadd irid jirbaħ u xi ħadd ieħor irid jitlef.
4. Jidher ċar li ntlaqajt b’mod pożittiv mill-udjenza ta’ MasterChef Malta bħala ġurat f’dan l-istaġun. X’taħseb li jiddistingwik mill-membri l-oħra tal-ġurija?
Naħseb li aħna l-membri tal-ġurija t-tlieta għandna karattri differenti, għaddejna minn esperjenzi differenti, ġejjin minn sfondi differenti u nemmen li b’hekk dis-sena rnexxielna nilħqu ċertu bilanċ f’MasterChef Malta li ntlaqa’ tajjeb mill-udjenza.
Ovvjament, il-karattru tiegħi hu li hu. Jiena ngħid dak li nħoss, niċċajta però fejn hemm is-serjetà jiena ddixxiplinat ħafna. Apparti l-ħiliet tiegħi fit-tisjir tal-ħelu, jiena għandi l-att tad-divertiment li jgħin għaliex meta n-nies qed jaraw it-televixin iridu jiddevertu u dak li qed inġib fuq il-platt jien f’MasterChef Malta.
5. Hemm min isemmi li forsi kultant il-membri tal-ġurija ta’ MasterChef Malta huma kemxejn iebsa żżejjed mal-parteċipanti. X’taħseb dwar dan?
Ma naħsibx li nkunu riġidi iżjed minn pajjiżi oħrajn. Pjuttost ngħid li xi kultant aħna l-Maltin imfisdin wisq u jekk naraw lil xi ħadd jikkritika lil xi ħadd, pjuttost niħduha ħażin, filwaqt illi l-Maltin stess jirrikjedu li jkun hemm parteċipanti li għandhom ċerti ħiliet. Fil-kċina mhux dejjem jaħdem il-fsied, jiġifieri xi kultant id-dixxiplina hija importanti ħafna. U dak huwa MasterChef Malta! Naħseb li MasterChef Malta qed jagħmel biċċa xogħol tajba għaliex qed joħroġ il-karattri Maltin fl-aħħar mill-aħħar.
6. X’għandha tistenna mingħandek l-udjenza Maltija fis-sena li ġejja?
Mingħandi żgur ħa tibqgħu tieħdu sinċerità, umoriżmu, dixxiplina u se nkompli nara li naqsam it-tagħlim kollu li naf. Ħa nibqa’ nkun hemm għas-sapport kemm tal-parteċipanti kif ukoll tal-ġurija. Fejn hemm kritika li rrid nagħmel, se nagħmilha; fejn irrid nuri dixxiplina, se nuriha; fejn nista’ nikkalma s-sitwazzjoni, se nipprova nikkalmaha wkoll. Nemmen ukoll li MasterChef Malta għeni noħroġ il-karattru tiegħi aktar.
Nirringrazzjaw lil Pawlu Borg Bonaci tal-ħin tiegħu u nawgurawlu minn qalbna, lilu u lill-familja, sena ġdida mimlija hena u risq!
Facebook / Pawlu Borg Bonaci, MasterChef Malta u Jonny il-Kajboj – Offixal Pejg