Intervistat fuq TVAM mill-preżentatriċi Maria La Barokka, l-attur u kittieb lokali Steve Dalli tkellem dwar kundizzjoni rari li hu jbati minnha magħrufa bħala Tourette Syndrome. Steve jispjega li din il-kundizzjoni twassal lill-persuna sabiex tagħmel movimenti u ħsejjes involontarji b’mod ripetut.
L-attur Malti jsemmi li kien biss meta kellu 25 sena li sar jaf li kellu din il-kundizzjoni u jistqarr li minħabba f’hekk bata mhux ftit fi tfulitu. Fil-fatt, Steve jirrakkonta li kien jiġi kkasstigat kemm-il darba għall-attitudni tiegħu tant li f’okkażjoni minnhom l-għalliema saħansitra rabtitu ma’ siġġu sabiex jieqaf jiċċaqlaq.
Fl-intervista ma’ TVAM, Steve jsostni li sal-lum il-ġurnata jħoss li m’hawnx biżżejjed għarfien dwar din il-kundizzjoni. Isemmi kif f’ċerti każi estremi, vittmi ta’ din il-kundizzjoni jsibu rwieħhom anke jlissnu kliem vulgari f’postijiet pubbliċi kontra r-rieda tagħhom.
L-attur u kittieb Malti li hu wiċċ sinonimu f’pajjiżna tkellem ukoll dwar inizjattiva li ħa fis-snin riċenti sabiex jgħin persuni oħra li jbatu b’din il-kundizzjoni. Fil-fatt, hu jsemmi li waqqaf paġna fuq il-midja soċjali fejn fiha jgħin, fost oħrajn, ġenituri li jkunu għadhom kif skoprew li wliedhom għandhom din il-kundizzjoni rari.
Tistgħu tidħlu HAWN sabiex issegwu l-intervista sħiħa ta’ Steve Dalli ma’ TVAM li tibda fil-minuta 1:15:15.
TVMi / TVAM