Wara ħafna u ħafna snin, l-Aġent President Helena Dalli reġgħet iltaqgħet ma’ ħabiba antika tagħha, Elizabeth Xuereb — laqgħa li ħadet lura magħha memorji li fil-verità qatt ma ntilfu. L-aħħar darba li raw lil xulxin kienet meta spiċċaw l-iskola sekondarja u minn hemm ’il quddiem il-ħajja ħadithom f’direzzjonijiet differenti.
It-tnejn kienu dejjem fl-istess klassi fl-iskola sekondarja ta’ Ħaż-Żabbar u l-laqgħa kienet okkażjoni perfetta biex ifakkru fl-għalliema eċċellenti li kellhom — dawk li sawruhom, ispirawhom, emmnu fihom kif ukoll ħallew marka f’ħajjithom. Ma naqasx, naturalment, id-diskors fuq l-ex studenti tal-klassi u kemm għadhom jaraw lil xulxin sal-lum.
Fost il-memorji msemmija li huma l-aktar għal qalbhom ingħad ukoll li Helena u Elizabeth kienu rebħu flimkien kompetizzjoni tal-kitba organizzata mill-British High Commission u rċevew il-premju waqt ċerimonja ġewwa l-Phoenicia Hotel — mument li baqa’ mnaqqax f’qalbhom.
Elizabeth kompliet triqitha u saret tabiba u jista’ jkun li bosta jagħrfuha mis-snin li ħadmet fiċ-ċentri tas-saħħa. Laqgħa bħal din tfakkrek li xi drabi l-ħajja fiha truf misterjużi kif tista’ terġa’ tlaqqgħek. Xi kultant il-passat qatt ma jkun verament mar; ikun biss qed jistenna l-mument it-tajjeb biex jerġa’ jsibek.
Helena Dalli temmet il-messaġġ tagħha billi staqsiet jekk hawnx xi ħadd li jiftakarha lil Elizabeth.
Facebook/ Helena Dalli