Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħha Kiranne Scicluna Psychotherapy, qasmet messaġġ sabiħ mas-segwaċi tagħha fejn qalet ukoll li ta’ kull ġimgħa ser tkun qed taqsam messaġġ simili.
Bdiet billi qalet, “Kull nhar ta’ Ġimgħa se nibda naqsam magħkom parti żgħira mill-prattika terapewtika tiegħi… ħsieb, riflessjoni, jew għodda sempliċi li tkun għenet lil xi klijent jew klijenta li nkun iltqajt miegħu jew magħha waqt it-terapija matul il-gimgħa, bl-għan li noffri spazju għal aktar għarfien u riflessjoni.”
Żiedet tgħid, “llum qed naqsam ħsieb sempliċi imma qawwi li baqa’ jolqot lil klijenta waqt it-terapija: Il-Ħsibijiet M’humiex Fatti. Meta persuna tkun għaddiet minn esperjenzi diffiċli, ħafna drabi tibda tgħix b’biża’ kontinwu ta’ x’jista’ jiġri. Il-moħħ jibda jipprepara ruħu għall-agħar, qisu kull ħsieb ta’ biża’ huwa twissija li trid tittieħed bħala realtà. Imma mhux kull ħsieb huwa fatt. Mhux kull biża’ tfisser li hemm periklu quddiemna.”
Qalet ukoll, “Xi drabi, il-ħsibijiet jibqgħu jiġu. Ma jisparixxux għal kollox. Imma meta nibdew infakkru lilna nfusna li dawn huma ħsibijiet u mhux fatti, inkunu qed inneħħulhom ftit mill-poter tagħhom. Nistgħu nibdew narawhom bħala xi ħaġa separata minna…mhux il-verità, mhux il-futur, u mhux bilfors ir-realtà. Infakkru lilna nfusna f’dan u nieqfu ftit, nieħdu nifs, u minflok ninbelgħu mill-ħsieb, ninnutawh u nsemmuh għal dak li hu: “Dan huwa ħsieb, mhux fatt.”